Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia t-Tnejn bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ seba’ Sirjani li tressqu l-Qorti x-xahar li għadda b’akkużi b’rabta mat-terroriżmu.
L-akkużati huma Ahmed Ahmed ta’ 27 sena, Yazan Abduklaziz ta’ 26 sena, Ahmed Kadas ta’ 25 sena, Mohammed Mohammed ta’ 24 sena u Ajil Al Muhsen, Adnan Maashi u Khalil Al Mahmoud, li tlieta li huma għandhom 21 sena.
Huma jinsabu akkużati li xerrdu materjal maħsub biex jinċita atti ta’ terroriżmu, jirrekluta nies, jew iħeġġeġ lil individwi biex iwettqu atti terroristiċi jew isiefru barra minn Malta għal dan il-għan. Ġew akkużati wkoll li ħadu jew taw taħriġ dwar l-użu tal-armi tan-nar u tal-isplussivi għal finijiet marbutin mat-terroriżmu, li ffinanzjaw jew organizzaw safar barra minn Malta għal taħriġ marbut mat-terroriżmu, u li qassmu materjal estremista li jagħti sostenn lil attivitijiet marbutin mat-terroriżmu.
Barra minn dan, ġew akkużati wkoll b’konfoffa biex iwettqu reat, b’konfoffa ma’ nies barra l-pajjiż biex iwettqu reat f’Malta, b’konfoffa ma’ grupp armat, u li fformaw parti minn organizzazzjoni kriminali.
Fix-xhieda tagħha, il-Pulizija qalet li kellha informazzjoni li xi Sirjani kienu qed jippubblikaw fuq il-mezzi soċjali tagħhom fuq terroriżmu Ġiħadist. Dawn il-posts tant żdiedu li fl-20 ta’ Marzu nfetħet inkjesta bil-Maġistrat. Intqal li s-Sirjani, li huma Musulmani Sunni, ma jmorrux jitolbu fil-Moskea ta’ Raħal Ġdid imma f’oħra f’Santa Venera.
Minn naħa tal-Europol intqal li l-materjal ippubblikat kien kollu propoganda, b’aktar minn 100 view u għalhekk kienu ħafna n-nies li setgħu rawh.
Fix-xhieda ntqal li wieħed mill-akkużati, Mohammed Mohammed, meta mistoqsi, stqarr li d-dokumenti fuq il-mobile tiegħu kienu tpoġġewlu minn xi ħadd biex joħolqulu l-problemi imma ma setax jgħid min seta kien. Intqal ukoll li Ajil Al Muhsen kien xtara l-passaport mill-Greċja b’400 ewro u, wara li kien għamel użu minnu, kien qerdu.
Meta mistoqsi dwar vidjos li jfaħħru l-mewt tal-martri u li juru persuni jwettqu attakku suwiċida bil-bombi, Ahmed Ahmed baqa’ ma weġibx dwar kif tellagħhom fuq l-Instagram tiegħu.
Il-każ huwa aġġornat għall-Ħamis li ġej.