Bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Nazzareno Dalli ta’ 43 sena minn Bormla, li jinsab mixli li pprova joqtol żewġt ibniet, ta’ 12 u 15-il sena, b’diversi daqqiet ta’ sikkina nhar id-9 ta’ Marzu li għadda. Dan waqt li waħda mit-tfal ukoll kienet għadha rieqda.
Il-każ seħħ f’residenza privata fi Triq San Tumas fil-Marsa, fejn ir-raġel allegatament darab liż-żewġt ibniet, b’waħda minnhom li saħansitra spiċċat issofri minn 17-il daqqa ta’ sikkina.
Fil-Qorti ntqal, kif l-omm, li hi wkoll l-eks sieħba tar-raġel, kienet barra qed tixtri dak il-ħin u meta waslet lura, binha qalilha li kien daħal l-imputat u weġġa’ lil ħutu b’sikkina.
Fil-fatt, it-tifla ta’ 12-il sena kellha tiġi operata u ħarġet mit-taqsima tal-Kura Intensiva l-Ħamis li għadda. Minkejja dan, għadha f’koma, kif irrakkontat ommha fuq il-pedana tax-xhieda.
Fil-Qorti ntqal li Dalli għamel il-lejl ta’ qabel jixrob u jieħu d-droga kokaina. L-għada, li allegatament wettaq ir-reat, Dalli kellu jittieħed l-Isptar minħabba uġigħ f’sidru.
Il-Prosekuzzjoni xehdet kif Dalli qal li ma setax jemmen dak li ġara hekk kif lit-tfal kien iħobbhom daqslikieku kienu tiegħu.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-omm qalet li bintha qatt mhix se terġa’ tiġi kif kienet u jrid ikun miraklu li jqajjimha mill-koma li waqgħet fiha. Żiedet tgħid li wara l-aggressjoni, damet 24 siegħa ma tara lil bintha minħabba l-operazzjonijiet urġenti li kellhom isirulha.
Spjegat kif Dalli ma kienx aċċetta l-fatt li r-relazzjoni tagħhom kienet intemmet u kien jheddidha u jsegwiha saħansitra fuq il-post tax-xogħol. Dalli kien qalilha “mill-ħabs toħroġ, però mill-qabar ma tqumx.”
Fuq il-pedana tax-xhieda ssejħu wkoll żewġ tobba, li qalu kif it-tifla ta’ 12-il sena, kienet konfuża, bla nifs, bil-konsegwenza li kellha tiġi ntubata. Dan filwaqt li hi tilfet 40% tad-demm, kellha tiċrita fil-milsa, daqqiet f’qalbha, fil-fwied, fil-pulmun u l-kilwa tax-xellug.
Intqal kif, f’xi waqtiet, kien hemm riskju li jikkollassalha l-pulmun, tant kemm il-ġrieħi, li sofriet, kienu fondi diversi ċentimetri.