Fil-bidu tal-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Kolumbjan ta’ 43 sena, Andres Leonardo Gamboa Duran, mixli b’rabta mas-sejba ta’ katavru mqatta’ f’bagalja qrib ix-xatt f’Tas-Sliema nhar id-9 ta’ Diċembru li għadda, instab li hemm biżżejjed provi biex jgħaddi ġuri.
Dakinhar tas-sejba, il-Pulizija ssejħet fuq il-post f’Tas-Sliema fejn sabet katavru ta’ raġel, mingħajr ħwejjeġ u b’idejh u saqajh maqtugħin barra.
Fl-istess ġurnata li saret l-awtopsja, tliet tobba kkonkludew li l-vittma kellu 102 kapsoli bid-droga kokaina fl-istonku. Madankollu, it-tobba kkonkludew li l-kawża tal-mewt ma kinitx ġejja mill-kapsoli u, għaldaqstant, il-pulizija eskludiet il-possibilità li r-raġel seta’ miet kawża tad-droga.
Matul is-seduta fil-Qorti t-Tnejn filgħodu, ħareġ kif ġie identifikat il-vittma – Raul Eduardo Ray imwieled fil-Kolumbja fl-1974 – kif joħroġ mix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra. Dan qal li l-katavru ġie identifikat bl-għajnuna tal-Interpol u aġenziji barranin oħrajn, permezz tal-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu.
Dan ġie stabbilit ukoll matul l-interrogazzjoni li ħadet madwar sagħtejn, fejn l-akkużat qal ukoll li kien iltaqa’ mal-vittma xi ftit tad-drabi oħrajn bħala courier tad-droga.
Aktar minn hekk, intqal li l-akkużat, allegatament, jamministra ċirku ta’ persuni li jaħdmu bħala couriers u jittraffikaw id-droga f’ġisimhom mill-Kolumbja.
Ħareġ mill-Qorti wkoll li l-akkużat u l-vittma ma baqgħux jiltaqgħu, għax l-akkużat mar iżur familtu, iżda kien il-kap Kolumbjan li qallu biex jinżel Malta, għax ma kellux aktar kuntatt mal-qraba tal-vittma.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, waqt ix-xhieda tal-Ispettur Wayne Camilleri mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidji, il-bagalja kienet instabet minn xi tfal li kienu qegħdin fuq paddle boat u mexxewha sax-xatt. Imbagħad kienu żewġ barranin li fetħu l-bagalja wara li t-tfal telgħu fuq ix-xatt.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li meta l-akkużat niżel Malta, hu sab lil Raul bla ħajja fuq is-sodda fl-appartament tiegħu fl-Imsida u dakinhar stess li sabu, qattgħu f’diversi partijiet, tefa’ l-fdalijiet tiegħu fil-bagalja, li nxtrat minn ħanut fi Triq in-Naxxar, f’San Ġwann, l-istess post minn fejn inxtrat il-mannara, u telaq jimxi biha lejn Tas-Sliema.
Matul l-interrogazzjoni mal-Pulizija, l-akkużat saħaq li ma kienx jaf x’se jagħmel bil-bagalja u, wara mixja twila, tefagħha fil-baħar f’Tas-Sliema, bil-bagalja baqgħet fil-wiċċ.
Fl-appartament tiegħu fl-Imsida, l-akkużat naddaf l-art fejn tqatta’ l-katavru u ġabar l-oġġetti personali f’żewġ boroż tal-plastik. Aktar minn hekk, il-Pulizija sabu fl-appartament il-mannara li ntużat mill-akkużat, fejn hu stess ikkonferma li kienet l-istess waħda li uża biex qatta’ lill-vittma.
Fl-appartament, il-pulizija sabu wkoll il-ħwejjeġ li l-Kolumbjan kien liebes dakinhar li mar jixtri l-bagalja u l-mannara, flimkien ma’ pakkett ħrieqi.
Il-mannara nstabet imgweżra fi plastik blu f’għamara, waqt li l-Pulizija osservat ukoll xi demm fid-drain f’wieħed mis-sinkijiet u sabet ukoll żewġ għadmiet.
Fi tmiem is-seduta, ġie konkluż li hemm biżżejjed evidenza fil-konfront tal-Kolumbjan u għalhekk tpoġġa taħt att ta’ akkuża biex jgħaddi ġuri.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Wayne Camilleri u Kurt Zahra flimkien mal-Avukati Kaylie Bonnett u Dejan Darmanin. Il-Kolumbjan kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Yanika Barbara Sant.