L-14 ta’ April – il-Jum tal-Ġimgħa l-Kbira u l-jum li fih il-ħajja ta’ Anna Farrugia nqalbet ta’ taħt fuq meta bdiet għaddejja minn passjoni kbira. Kien mat-tlugħ ix-xemx, għall-ħabta tas-6.30 ta’ filgħodu ftit sekondi wara li temmet il-mixja ta’ Puttinu Cares li lil Anna tajritha karozza fil-Mosta.
Sħab Anna li kienu magħha fil-ħin tal-inċident raw xena tal-biza’ – ħassew il-karozza għaddejja qrib tagħhom u raw lil Anna tinqata’ mill-art m’ogħla sular bid-daqqa li qalgħet. Inċident li ħalla konsegwenzi serji fuq saħħitha.
Il-Professuri qalu lil Anna li kienet biss nofs siegħa bogħod minn ħalq il-mewt. L-inċident ikkawżala ksur fil-pelvis minn tliet naħat, fl-irkoppa, f’idejha u spallejha, fi tlettax-il kustilja u saħansitra f’rasha. Iżda kienu l-problemi f’qalbha li kienu ta’ riskju kbir għal ħajjitha.
Żewġha Joe, esprima l-emozzjoni u l-biża’ li ħass meta l-professuri talbuh jieħu deċiżjoni importanti f’isem martu – deċiżjoni li kellu jieħu fi ftit sekondi u li setgħet tibdel għalkollox ħajjet martu.
Anna għamlet żmien fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptar Mater Dei u qattgħet tlett xhur l-isptar – bl-ewwel xahrejn kienu diffiċli ferm hekk kif ma setgħetx timxi. Hi stqarret magħna li f’mumenti bħal dawn il-bniedem jibda japprezza dak li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum neħduh bħala ovvju – fost oħrajn li tkun tista’ timxi.
Bil-weġgħa ta’ Anna kienet waħda ikbar hekk kif tul ħajjitha hija kienet kowċ tal-bowling tal-olimpjadi speċjali u kienet tgħallem dan l-isport lil persuni b’diżabilitá. Spjegat id-dieqa li ħassew l-istudenti tagħha u x-xewqa kbira li għandha.
Illum Anna għaddejja bil-fiżjoterapija bit-tama li terġa timxi normali u tkun tistá twassal lill-istudenti tagħha għal aktar suċċessi. B’demgħa f’għajneja din il-mara deskritta minn bosta bħala kuraġġuża xtaqet twassal messaġġ lil dawk li bħalha għaddejjin minn żmien diffiċli.