16:20: Michelle temmet l-isfida b’suċċess.
15:55: Michelle Muscat bħalissa tinsab tgħum fl-akwati ta’ Tignè, Tas-Sliema.
14:30: Bħalissa Michelle Muscat tinsab tgħum fl-akwati ta’ San Ġiljan fejn s’issa lestiet madwar 7km minn total ta’ 10km. Hi se tkun qed tintlaqa’ minn żewġha, il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat f’Marsamxett, fejn hu stmat li tasal għall-ħabta tal-16:00.
13:15: Michelle Muscat bħalissa tinsab fl-akwati ta’ Pembroke.
Aktar qabel: L-isfida ta’ Michelle Muscat bdiet fl-10:30am b’qabża fil-baħar tal-akwati tat-Torri tal-Għallies fin-Naxxar.
Sfida li mistennija ddum mas-sitt siegħat u se tara t-tmiem tagħha fil-Port ta’ Marsamxett, iġifieri tul ta’ iktar minn 10km.
Is-sinjura Muscat se tkun qed tgħum f’riħ ta’ forza 3 li mistenni jiżdied mal-jum min-Nofsinhar, iġifieri kontriha u għalhekk l-isfida tagħha se tkun itqal.
F’kummenti lill-mezzi tax-xandir qabel bdiet l-isfida tagħha, Muscat qalet li hi konxja li tul ir-rotta tagħha r-riħ ma jaħkimx l-istess kullimkien għaliex hemm żoni differenti u kosta differenti, madanakollu bit-taħriġ li għamlet, li jmur lura għal Novembru tas-sena li għaddiet hija ppreparata għal dan.
Dan kollu bil-għan li jinġabru l-flus għall-Marigold Foundation mid-donazzjonijiet tan-nies permezz tal-SMSs u telefonati.
Din hija t-tielet darba li Michelle Muscat qed tagħmel din l-isfida, iżda hija l-itwal għuma. Fl-2015 Muscat qasmet il-fliegu bejn il-gzejjer Maltin, b’distanza ta’ 6km. Is-sena ta’ wara għumet miż-Żonqor sal-Port il-Kbir b’distanza ta’ 8 km.
Partijiet mill-għuma ta’ Michelle Muscat se jixxandru live fuq il-paġni ta’ Facebook ta’Marigold Foundation u Joseph Muscat.
Inżommukom aġġornati minn fuq il-baħar stess fil-ħin li ġej.