L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta nediet uffiċjalment il-Valletta Green Festival ta’ din is-sena.
Il-festival se jibqa’ sejjer sa nhar il-Ħadd 10 ta’ Mejju.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi pjazza San Ġorġ iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li minħabba r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-Covid-19, il-ħames edizzjoni tal-Valletta Green Festival se tikkonsisti esklussivament mill-infjorata fi Pjazza San Ġorġ.
L-infjorata se tkun qed tiġi mxandra fuq l-internet, fejn anke ntwerew it-tħejjijiet għal dan l-avveniment ta’ kull sena.
Xogħol l-artista Lisa Marie Kähler, u inspirata mid-disinni ta’ fjuri u l-forom tal-Art Nouveau, l-infjorata bl-isem ta’ ‘Beeodiversity’ titfa’ dawl fuq il-bijodiversità, it-tema tal-Valletta Green Festival għal din is-sena.
Barra min hekk ġiet żvelata sopriża bl-isem ta’ Bee Hopeful.
Is-Sur Micallef qal li dan hu messaġġ li l-aġenzija trid tgħaddi, dik li l-Belt Valletta se tirbaħ din il-battalja tal-pandemija u terġa’ tirxoxta għal kif kienet qabel.
Huwa stqarr: “Tama u kuraġġ għall-poplu Malti u Għawdxi kollu biex jibqa miexi ħa noħorġu mill-burraxka imma tama u kuraġġ lill-Belt Valletta li terġa’ tieħu l-ħajja u l-kulur kif fil-fatt qed nagħmlu permezz ta’ din l-infjorata u nemmnu li dan il-messaġġ qed jasal mhux biss mal-poplu Malti u Għawdxi imma anka wkoll bl-idea li nittrażmettu li fil-fatt fl-aħħar erbat ijiem kienu ‘l fuq minn ħamsin elf ruħ.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera qal li l-festival qed ikompli jtejjeb isem il-Belt Valletta bħala post li wieħed għandu jżur, speċjalment wara li tgħaddi l-pandemija tal-Coronavirus.
Il-Ministru Herrera sostna: “Bil-mod il-mod wieħed jistenna li l-Belt Valletta terġa’ tibda tieħu r-ruħ. Naturalment attivita bħal din tkompli tixpruna dan is-sens ta’ ottimiżmu u kuraġġ biex nerġgħu kif konna qabel.”