L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-istandards fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabilta.
Madwar Malta u Għawdex hawn tlettax-il ċentru ta’ matul il-jum mmexxija mill-Aġenzija Sapport, li fihom jattendu aktar minn tliet mija u ħamsin persuna b’diżabilità.
L-Istandards Soċjali Regolatorji u l-Linji Gwida se jkomplu jssaħħu l-kwalità tas-servizzi offruti f’dawn iċ-ċentri, iżda jistabbilixxu standards għal kwalità lil ċentri ġodda.
Il-kap eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella emfasizza l-iskop ta’ dawn l-istandards.
“Aħna rridu naraw verament li l-persuni b-diżabiltà qegħdin attivi, qegħdin jieħdu huma stess id-deċizjonijiet biex b’dan il-mod inkunu qed inserħu l-imħuħ tal-ġenituri tagħhom li jinsabu f’ambjent san, f’ambjent tajjeb u l-potenzjal u l-aspirazzjonijet ta’ dawn il-persuni ikunu verament ikunu qed jiġu immasimizzati,” qal is-Sur Vella.
L-istandards huma bbażati fuq il-prinċipji tad-dinjità, il-privatezza, id-dritt tal-għażla, is-sigurtà, id-dritt tal-klijenti li jirrealizzaw il-potenzjal, l-ugwaljanza, l-individwalità u d-diversità tagħhom.
Standards li huma t-tielet sett tax-xorta tagħhom, hekk kif diġa sar xogħol mill-Awtorita fuq djar residenzjali u respite.
“Dan ifisser li f’inqas minn sena minn meta twaqfet din l-awtorità is-settur tal-persuni b’diżabiltà kollu kemm hu se jkun regolat. Regolat mhux żiedna l-burokrazija imma qed naħdmu bis-sħihħ biex verament inżidu l-kwalita offruta lil perusni b’dizabiltà,” kompla jgħid is-Sur Vella.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li f’dawn is-sett ta’ standards, l-attenzjoni trid tkun fuq il-kwalità tas-sapport u l-programm li l-persuna tirċievi meta tattendi għas-servizzi fiċ-ċentri ta’ matul il-jum.
“Qegħdin nibnu standards ħalli l-flus li nonfqu bħala gvern, u l-baġit ta’ dis-sena tela’ għal 23 miljun meta tqis li ħames snin ilu dan il-baġit kien disa’ miljuni, ftit inqas minn disa’ miljuni, qegħdin nieħdu l-value for money tal-flus li qegħdin nonfqu,” qal is-Segretarju Parlamentari.