Tnejn u sittin fil-mija tal-miżuri tal-Baġit għas-sena d-dieħla huma miżuri soċjali, waqt li għoxrin fil-mija tal-miżuri huma ambjentali u tmintax fil-mija tal-miżuri jindirizzaw l-iżvilupp ekonomiku.
Dan intqal fi stqarrija mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, fejn ġie sostnut li b’dawn il-miżuri pajjiżna se jkompli jimxi lejn tranżizzjoni ekoloġika u ekonomija newtrali mill-karbonju.
Intqal li x-xogħol għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-baġit mid-Direttorat għall-Implimentazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru beda, fejn ġew elenkati aktar minn 300 miżura. B’dawn il-miżuri mistennija jiżdiedu fil-jiem li ġejjin hekk kif diġà bdew id-diskussjonijiet mal-ministeri rispettivi.
Intqal ukoll kif, bil-għan li tissaħħaħ il-koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-miżuri ġew kollha allineati mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda.
Bil-Ministeri jintalbu jevalwaw kif dawn l-istess miżuri jikkontribwixxu b’mod konkret lejn il-kisba tal-iżvilupp sostenibbli bi prijorità fil-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika.
L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal ukoll li x-xogħol tal-amministrazzjoni pubblika b’mod konkret hu li, minn issa sal-aħħar ta’ Novembru, jitfassal programm sħiħ għat-twettiq tal-miżuri tal-Baġit 2025.