Il-Kummissjoni Elettorali bdiet il-proċess tagħha li għandu jwassal għall-elezzjoni ġenerali tat-tlieta ta’ Ġunju. Dan wara li t-Tnejn filgħaixja l-President ta’ Malta xoljiet il-Parlament u eventwalment stabbilixiet id-data tal-elezzjoni kif spjegalna l-Kap tal-Uffiċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt.
Louis Gatt qal li “il-Kummissjoni elettorali sa ħamest ijiem mill-bieraħ tkun qed tippublika reġistru elettorali ġdid sabiex fih tinkludi kull tip ta’ tibdil li jkunu saru tal-bieraħ. Eżempju minnhom hu tibdil fl-indirizzi, imwiet u kif ukoll tinkludi dawk il-persuni li jkunu għalqu it-18-il sena sa lejlet l-elezzjoni.”
Wara dan il-proċess imbagħad jibdew jiġu stampati d-dokumenti tal-vot li din id-darba se jkunu xi ftit differenti.
Hu qal li “din id-darba se tintuża karta tas-sigurtà dan għax il-liġi elettorali tgħid li trid tkun karta ta’ sigurtà u din id-darba dik il-karta ma għandiex bżonn lamination. Din tħaffef mill-process fejn il-Ġimgha jibda l-printing.”
L-istampar tad-dokumenti mistennija jkunu lesti fi tmiem din il-ġimgħa.
Gatt qal li “it-tqassim se jkun qed jibda għal bidu tal-ġimgħa d-dieħla u jsiru permezz tal-Pulizija. Il-partiti politici se jkollhom id-dritt li jissorveljaw it-tqassim tad-dokumenti.”
Dawk li fil-ġurnata tal-elezzjoni ser ikunu imsifrin jew inkella rikoverati fi sptar jistgħu jivvutaw is-sibt ta’ qabel.
Hu qal li “biex jagħmlu dan, ikun hemm bżonn li jiffirmaw dikjarazzjoni ġuramentata mal-kummissjoni elettorali, m’ għandhomx bżonn dokumenti ta’ xejn kemm jiffirmawa u dawn se jkunu qed jivvutaw is-sibt ta’ qabel ġewwa t-Tradefair Grounds fin-Naxxar. Il-ġurament se jkun jista’ jittieħed sal-Ġimgħa f’nofs in-nhar qabel l-advanced voting.”
Dawk li jgħixu barra minn xtutna u għandhom dritt jivvutaw, jistgħu jiksbu l-informazzjoni neċessarja mill-istess uffiċċju elettorali tal-Partit Laburista fuq l-email flights@partitlaburista.org
Intant il-Kummissjoni Elettorali fi stqarrija avżat ukoll li se tilqa’ applikazzjonijiet mingħand persuni eliġibbli biex iservu bħala Assistenti Kummissjonarji Elettorali jew bħala persuni li jgħoddu, persuni li jissorveljaw, u persuni li jikkalkulaw waqt l-għadd tal-voti fl-Elezzjoni Ġenerali.