Fil-Park tal-Inwadar fin-Nofsinhar ta’ Malta, qed jitħawlu aktar minn mitejn siġra u arbuxell bħala parti minn proġett ta’ riġenerazzjoni ambjentali fl-istess żona.
Dan imur id f’id mat-tindif ta’ ammont kbir ta’ skart li qed isir.
Waqt żjara fuq il-post fejn bdiet titħaddar din iż-żona, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli sostniet is-sodisfazzjon għall-ħidma li qed issir biex dan il-park jingħata lura lill-poplu wara snin ta’ abbandun.
Il-Ministru Dalli stqarret:“Irridu naċċertaw ruħna li dawn iż-żoni li tħallew abbandunati nagħtuhom il-ħajja biex mhux il-ġenerazzjonijiet tal-lum biss imma anke l-ġenerazzjonijiet t’għada jkunu jistgħu jiġu hawn u jgawdu dan il-park naturali. Permezz tat-tħawwil t’aktar minn mitejn siġra qed naraw li żoni li sa ftit ilu kienu sempliċiment jattiraw l-iskart li jitfgħu in-nies, illum il-ġurnata se jkunu mimlijin bis-siġar biex narawhom jikbru u jagħtu ħajja ġdida lil dan il-park.”
Iċ-Chairman tal-Bord tal-Governanza, Steve Borg spjega kif dan il-park se jara installazzjonijiet artistiċi, li se jikkumplimentaw ir-riġenerazzjoni ambjentali tal-istess park.
Huwa fisser: “Wara kważi nofs seklu ta’ abbandun, tneħħew madwar tliet mija u għoxrin tunellata ta’ skart tal-kostruzzjoni biex il-Gvern u l-Bord tal-Azzjoni fl-Inwadar żamm l-impenn tiegħu biex veduta tassew sabiħa bħal din li kienet imċaħħda mill-poplu tingħata lilu biex igawdiha f’żona speċjali ta’ konservazzjoni.”
Id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta, Adrian Attard spjega kif ġaladarba jkun lest dan il-proġett, se jkunu żdiedu ferm is-siġar u arbuxelli mħawla f’din iż-żona.
Huwa qal, “Fil-kumplament tal-proġett kollu Parks Malta se tkun qed tagħmel riġenerazzjoni taż-żona ta’ mhux anqas minn tmintax-il elf metru kwadru fejn se jkunu qed jitħawlu wkoll madwar elf siġar u arbuxelli sabiex il-poplu u l-pubbliku jkun jista’ jgawdi.”