Din il-ġimgħa se sseħħ il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li se tkun ikkaratterizzata mill-elezzjonijiet il-Ġimgħa u s-Sibt għall-ħatra tal-ogħla karigi fl-amministrazzjoni.
Waqt li tefgħu n-nomina tagħhom il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Dr Ian Borg, għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, u l-Ewroparlamentari Dr Alex Agius Saliba għall-pożizzjoni ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, ġew aċċettati l-ismijiet ta’ Norma Saliba u Alex Sciberras għall-pożizzjoni ta’ President, Louis Gatt għal Viċi President, Georvin Bugeja u John Grech għal Segretarju Internazzjonali u William Lewis għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Organizzattiv.
Minn dawn, l-uniċi li mhux se jaraw elezzjoni huma fil-kariga ta’ Viċi President u dik ta’ Segretarju Organizzattiv, waqt li dawk ta’ Deputati Mexxejja xorta ssir elezzjoni, anke jekk mhemmx kontestazzjoni multipla.
Fl-istess ħin, issir l-elezzjoni għall-ħatra ta’ tnax-il membru ordinarju tal-Eżekuttiv minn fost sebgħa u tletin nomina li ġew approvati.
Waqt li s-Sibt li għadda saret elezzjoni bikrija, fejn ivvotaw għaxra fil-mija tad-delegati, l-elezzjonijiet jissoktaw il-Ġimgħa filgħaxija u s-Sibt filgħodu. Wara jsir l-għadd tal-voti biex jiġu kkonfermati l-ħatriet il-ġodda fl-istrutturi tal-Partit Laburista.
Tkellimna mal-President attwali tal-Partit Laburista, Dr Ramona Attard, li spjegat ma’ ONE News x’se jkun qed jiġri fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali ta’ nhar il-Ħadd li ġej.
Qal, “Imbagħad il-Ħadd, l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali fejn hemmhekk ikollok l-amministrazzjoni ġdida kkonfermata, ikollok ukoll l-eżekuttiv – it-tnax-il membru tal-eżekuttiv nazzjonali eletti – imma ovvjament l-istennija hija għad-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, li hemmek allura wieħed jistenna l-viżjoni tal-mexxej wara li issa l-elezzjonijiet interni jkunu lesti.”
Sadanittant, mit-Tnejn, ONE beda jxandar programm speċjali mis-6:15 sas-7:15 ta’ filgħaxija bi preżentazzjoni ta’ Claudia Cuschieri, b’analiżi fuq dawn l-elezzjonijiet fi ħdan il-Partit Laburista.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali jintlaħaq fl-għeluq tagħha l-Ħadd li ġej filgħodu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.