Il-Ġimgħa filgħaxija ingħata bidu għall-ħames edizzjoni tal-ġimgħa ewropeja tal-isport li se tibqa’ għaddejja sat-28 ta’ Settembru. Matul din il-ġimgħa Malta se tkun qed tingħaqad ma’ bosta pajjiżi oħra ewropej f’inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropeja bil-għan li tippromwovi l-importanza ta’ ħajja attiva u b’saħħitha. Aktar minn 13-il miljun persuna minn 41 pajjiz ewropew mistennija jieħdu sehem f’din l-attivita’.
L-attivita’ tal-ftuħ saret fil-pjazza taż- Zejtun u kienet organizzata minn SportMalta flimkien mal-kunsill lokali tal-istess lokalita’. L-attivitajiet prinċipali saru fil-pjazza u fi Ġnien iż-Żgħożija.
Pubbliku numeruż attenda għal din l-ewwel attivita’ li rat nies ta’ kull eta’ jipparteċipaw f’dixxiplini sportivi differenti. Din is-sena, SportMalta iddeċidiet li tmur aktar viċin in-nies billi
torganizza l-attivitajiet prinċipali fil-lokalitajiet minflok fil-kumplessi sportivi tagħha.
Protagonisti fl-attivita’ fiż-Żejtun kienu dixxiplini sportivi minn pajjiżi differenti fosthom il-Basketball (Stati Uniti), Zumba (Kolombja), KUBB (Zvezja), Tai Chi (Cina), il-Futbol (Italja) u l-logħba tradizzjonali maltija tal-Boċċi. Saru wkoll sessjonijiet ta’ fitness, mixjiet madwar ir-raħal taż-Żejtun flimkien ma’ attivitajiet oħra immirati għall-etajiet differenti, fosthom dawk ta’ ‘l fuq minn sittin sena.
Kien hemm ukoll wirja ta’ karozzi imtella’ minn Land Rover Owners Malta Club. Kienu involuti wkoll bosta organizzazzjonijiet volontarji u klabbs sportivi fosthom il-klabb tal-basketball ta’ Hibernians, il-klabb tal-Hockey ta’ Hal Qormi, il-Bicycle Advocacy Group u l-Malta Health Students Association.
Matul din il-ġimgħa se jiġu organizzati ħafna attivitajiet oħra. Fil-25 ta’ Settembru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid se sir serata ta’ żfin fosthom Zumba, Salsa u Line Dancing.
Għal sena oħra l-attivita’ tal-egħluq se ssir fil-kumpless sportiv ta’ Ħal Kirkop bil-#Be Active Night is-Sibt 28 ta’ Settembru. Iż-żewg attivitajiet jibdew fis-sitta ta’ filghaxija.
Flimkien mal-attivitajiet ta’ Sport Malta se jiġu organizzati wkoll oħrajn minn assoċjazzjonijiet differenti. Fit-23 ta’ Settembru, fil-kumpless sportiv Tal-Qroqq, se jsir turnament għall-veterani tal-Handball. Il-Malta Employees Sports Association se ttella’ ġurnata ta’ sports fil-kumpless ta’ Ħal Kirkop għall-ħaddiema u impjegati. Is-Sibt 28 ta’ Settembru fir-ranges il-ġodda tal-isparar f’Ta’ Kandja se ssir il-Be Active Sport Shooting Cup. Bejn it-28 u d-29 ta’ Settembru, fil-kumpless ta’ Maria Assunta il-Ħamrun, il-Malta Billiards and Snooker Association se torganizza turnament tas-Snooker.
Ma jonqsux l-attivitajiet għat-tfal tal-iskejjel b’ġurnata li tgħaqqad lill-istudenti f’attivitajiet sportivi u fiżiċi ta’ kull tip. Rose Marie Mercieca, koordinatriċi nazzjonali tal-Ġimgħa Ewropeja
tal-iSport, qalet li SportMalta bhala l-organizzazzjoni ewlenija f’din l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropeja, se tkun qed tagħti l-opportunita’ lill-pubbliku sabiex jipprattika xi sport jew jieħu sehem f’attivitajiet fiziċi bil-għan li l-poplu malti jibqa’ jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet sportivi tul is-sena kollha.