Ilbierah fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq ġie fi tmiemu l-programm imniedi minn SportMalta Summer On The Move filwaqt li infetħet uffiċjalment il-Ġimgħa Ewropeja ddedikata lill-Isport organiżżata minn SportMalta bil-kollaborazzjoni ta’ l-Għaqda Ġurnalisti Sport.
Il-ftuħ uffiċjali ta’ din l-attività li biha qegħdin ningħaqdu ma’ 32 pajjiż ieħor sar mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Clifton Grima flimkien maċ-Chairman u ċ-Chief Executive Officer ta’ SportMalta Luciano Busuttil u Mark Cutajar rispettivament.
Quddiem eluf ta’ tfal akkumpanjati mill-ġenituri u l-coaches tagħhom, l-erba’ kelliema saħqu fuq l-importanza li kulħadd għandu jiprattika xi forma ta’ attività fiżika li mhux bilfors tkun waħda kompetittiva. Huma ħeġġu lil dawk preżenti sabiex ikunu huma stess li jwasslu dan il-messaġġ lil sħabhom kif ukoll qraba li għadhom ma ingħaqdux mal-komunità sportiva. B’riferenza għas-slogan #BEACTIVE, il-poplu Malti għandu jkun konxju li bl-isport ngħixu kwalità ta’ ħajja aħjar u aktar fit-tul filwaqt li niġġieldu l-obesita.
Din is-sena Summer On The Move kellu parteċipazzjoni rekord ta’ aktar minn 7,000, xhieda tal-popolarità dejjem tikber ta’ dan il-programm.
Wara d-diskorsi saret esebizzjoni tal-FlyBoard kif ukoll Għawm Sinkroniżżat filwaqt li t-tfal kollha preżenti pparteċipaw f’diversi attivitajiet li l-maġġoranza tagħhom kienu fil-pixxina.