Ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv qed javvanza kif ippjanat u fil-fatt huwa mistenni li jkun lest is-sena d-dieħla.
Dan il-kumpless, li huwa mibni fuq 5,000 metru kwadru ta’ art fiċ-ċentru tar-Rabat, se jkun l-akbar investiment sportiv li qatt sar f’Għawdex.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, stqarr li hekk kif fix-xhur li għaddew tlestew l-istrutturi ta’ trusses li se jkunu qed jerfgħu s-saqaf tal-kumpless, issa bdew ix-xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mal-panelling f’dawn l-istess strutturi tal-ħadid sabiex jingħalaq dan il-kumpless kollu kemm hu.
Il-perit tal-proġett, Godwin Sultana, spjega kif fl-aħħar ġimgħat tlestew ix-xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mal-pumping rooms, makkinarju li se jkun qiegħed iħaddem din il-pixxina ta’ daqs Olimpiku, u issa se jibda jissaqqaf l-istess Ċentru Akwatiku u Sportiv.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan il-proġett se jibdel il-mod ta’ għajxien tal-Għawdxin fejn se jkun proġett miftuħ għal kulħadd u mmaniġġjat b’mod tajjeb sabiex jiġi utilizzat bl-aħjar mod possibbli.