Wara l-waqfa twila minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti tal-futsal, minn din il-ġimgħa tibda l-fażi deċiżiva tal-Enemed Futsal League sabiex jiġi deċiż min se jirbaħ il-kampjonat hekk kif se jintlagħbu s-semifinali tal-play-offs. F’din il-fażi hemm involuti erba’ timijiet u dawn huma ċ-champions preżenti Luxol St Andrews, University of Malta ACJ Group, Swieqi United u ŻRQ Bormla.
Fl-ewwel semifinali li se tintlagħab l-Erbgħa, University of Malta ACJ Group jilagħbu kontra Swieqi United filwaqt li l-Ġimgħa li ġej, Luxol jisfidaw lil ŻRQ Bormla. Eventwalment il-ġimgħa d-dieħla jkun hemm it-tieni leg ta’ dawn is-semifinali sabiex jiġu determinati l-finalisti li se jikkontendu t-titlu għal dan l-istaġun 2023/24.
Il-finali li se ssir fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, se tkun l-aqwa minn tliet konfronti bl-ewwel partita tintlagħab fit-8 ta’ Mejju sabiex jumejn wara tintlagħab it-tieni logħba. Jekk tim jirbaħ iż-żewġ logħbiet ma jkunx hemm bżonn it-tielet finali li hi skedata fis-17 ta’ Mejju.
Ritratt: Joe Borg