F’Għawdex infetħu l-attivitajiet ta’ Pride Week permezz ta’ festin u mixja organizzati mill-Allied Rainbow Community.
Din hija l-ewwel mixja ta’ pride li qatt saret fil-gżirata’ tliet għoljiet, u qed issir b’kollaborazzjoni bejn Malta Pride, LGBT+ Gozo, Allied Rainbow Community, il-Ministeru għal Għawdex u s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza.
Din hija waħda minn żewġ mixjiet magħrufa bħala Pride March li se jsiru f’pajjiżna dis-sena, b’waħda minnhom tkun f’Għawdex u oħra f’Malta.
Illum il-mixja bdiet fil-ħamsa ta’ waranofsinhar fir-Rabat Għawdex minn Qawsalla Hub sa Villa Rundle.
Fi stqarrija LGBT+ Gozo qalet li dan l-avveniment huwa mument emozjonali għal dawk kollha li huma LGBT+, u huwa parti minn moviment akbar ta’ aktar tolleranza lejn nies ta’ kull orjentazzjoni sesswali li kiber sew mill-elfejn u tlettax.
Huma qalu li l-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex sabiex persuni LGBT ikunu rappreżentati b’mod ġust, kienet waħda kbira. Fost l-oħrajn huma rrikonoxxew l-impatt pożittiv tal-investiment f’Qawsalla Hub.
Intant, il-Ministru għal Għawdex qal li l-impenn tal-Gvern lejn l-inklussività huwa wieħed evidenti, u dan jidher anke fl-indiċi ta’ ILGA Europe, fejn pajjiżna reġa’ sab ruħu fl-ewwel post għall-inklussività.