Is-Sibt ingħata bidu għall-erbatax-il leġiżlatura tal-Parlament Malti, wara l-elezzjoni tas-sitta u għoxrin ta’ Marzu.
F’din il-leġiżlatura, il-Parlament Malti qed jara l-iżjed ammont ta’ siġġijiet, hekk kif hemm disgħa u sebgħin deputat. Dan hekk kif mal-ħamsa u sittin deputat, żdiedu żewġ siġġijiet oħra biex jikkumpensaw il-maġġoranza ta’ siġġijiet fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, u għall-ewwel darba tħaddem il-mekkaniżmu għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament li ra żieda ta’ tnax-il deputat mara.
F’din l-erbatax-il leġiżlatura, il-Partit Laburista għandu erbgħa u erbgħin siġġu parlamentari u l-Partit Nazzjonalista għandu ħamsa u tletin, li jfisser differenza ta’ disa’ siġġijiet bejn iż-żewġ partiti.
Iċ-ċerimonja bdiet b’quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna.
Fi tmiem il-quddies, indaqq l-innu nazzjonali.
Wara l-quddies, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u l-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-membri parlamentari l-ġodda, imxew tul Triq ir-Reppubblika għall-binja tal-Parlament.
Kien għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, meta ngħata bidu għall-ewwel seduta Parlamentari wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda.
Hawnhekk l-Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti qara l-Proklama li permezz tagħha ġie mlaqqa’ l-Parlament u wara qara r-riżultati tal-elezzjoni ġenerali u l-elezzjonijiet każwali.
F’din is-seduta saret l-elezzjoni tal-Ispeaker u tad-Deputy Speaker. Il-Gvern innomina lil Anġlu Farrugia għall-irwol ta’ Speaker, waqt li l-Partit Nazzjonalista nnomina lil David Agius għal Deputy Speaker.
Fil-każ ta’ Anġlu Farrugia bħala Speaker tal-Parlament, il-Gvern ivvota favur u l-Oppożizzjoni vvutat kontra, filwaqt li għal David Agius, iż-żewġ naħat ivvutaw favur.
Wara l-Prim Ministru Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari.
Qal, “Jiena Robert Abela, solennament naħlef li nkun tassew fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. Hekk Alla jgħini.”
Warajh segwa l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-Deputat Prim u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Wara l-Membri Parlamentari kollha ħadu l-ġurament tal-ħatra.
Imbagħad il-Prim Ministru ressaq il-mozzjoni ta’ co-option biex Randolph De Battista jsir membru parlamentari.
Wara d-diskors tal-President, il-Parlament aġġorna għal nhar it-Tnejn.