Fis-sigħat li ġejjin se tkun qed issir l-awtopsja fuq David Abela, ir-raġel ta’ wieħed u ħamsin sena li nstab mejjet it-Tnejn għal ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija.
In-negozjant mis-Swieqi instab mejjet f’għadira demm wara li aktarx qala’ numru ta’ daqqiet ta’ sikkina.
Huwa nstab għarwien imkebbeb f’liżar, b’idejh u saqajh marbuta fis-sodda u ħalqu magħluq bit-tape.
Kienet is-sieħba tiegħu Irina Alexandrovna Micallef li daħlet fid-dar t’Abela u sabet quddiemha din ix-xena makabra.
B’xokk fuqha hija rrapurtat lil pulizija b’dak li rat.
Nifhmu li għalkemm il-pulizija mhux torbot dan il-każ ma’ kriminalità organizzata bħal każijiet oħra li kellna din is-sena, il-pulizija qed tinvestiga kull tarf li jista’ jgħinha jsolvi dan id-delitt.
Diversi sorsi qalu li ma kien hemm l-ebda żgass fid-dar tiegħu u dan il-fatt jista’ jitfa’ dawl fuq il-każ hekk kif min wettaq id-delitt seta’ kien jaf sew lil vittma.
Fatt ieħor huwa li l-ammont ta’ demm li nstab ma jikkorispondiex l-ammont ta’ daqqiet ta’ sikkina li qala’ l-vittma u għalhekk il-pulizija trid tistabilixxi l-kawża eżatt tal-mewt.
Hu mifhum ukoll li sal-Ħadd li għadda sar kuntatt ma’ David Abela, għalhekk kollox jindika li huwa miet fil-jum tat-Tnejn.
Il-vittma huwa missier ta’ erba’ t’itfal.
Tlieta mill-ewwel żwieġ u wild ieħor minn sieħba oħra.
Abela kien negozjant fil-qasam tal-ivvjaġġar.
Filfatt kien sid tal-kumpanija 21st Century Travel u 21st Century Limousine.
Din tal-aħħar kienet tikri karozzi lussużi.
Abela kien ukoll direttur tal-kumpanija Aviaserve Ltd.
Minkejja li l-vittma ma kienx persuna magħrufa mal-pulizija, erba’ snin ilu, fil-Qorti, ma kienx nstab ħati li kkaġuna l-qtil involontarju t’anzjana ta’ ħamsa u sebgħin sena.
Fl-elfejn u sitta huwa kien qed isuq b’lura l-karozza tiegħu f’San Ġiljan meta mara ntlaqtet mill-karozza.
Dan huwa t-tielet qtil ta’ din is-sena.
Wara l-mewt permezz ta’ karozza bomba ta’ Victor Calleja magħruf bħala ċ-Cippy, Sylvester Farrugia inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar.
Dwar dan il-każ diġa tressqet persuna l-Qorti.
Każ ieħor li iżda l-persuna ma mititx kien dan ix-xahar fejn, Romeo Bone spiċċa tilef riġlejh it-tnejn wara li splodiet il-karozza li kien fiha permezz ta’ bomba.