Mil-lum sal-Ħamis, 14 ta’ Novembru, pajjiżna se jkun qed jospita mal-madwar tletin elf delegat għall-akbar konferenza tal-iGaming fid-dinja, SiGMA Europe.
Din se tkun l-għaxar darba li qed issir f’pajjiżna, bl-ewwel waħda tkun lura fl-2014, u t-tieni waħda fil-Malta Maritime Hub fil-Marsa, li għal din l-attività għandha aċċessibbli mal-45,000 metru kwadru ta’ spazju għal bosta stands u esebizzjonijiet.
F’kumment ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta, Ivan Filletti, stqarr li din hi l-akbar konferenza tal-iGaming fid-dinja u, għaldaqstant, bħala pajjiż, għandna nilqgħu bi ħġarna għad-delegati li ġejjin biex inkomplu ntejbu u nsaħħu s-settur tal-gaming f’pajjiżna għal wieħed ta’ kwalità.
“SiGMA hu l-pellegrinaġġ ta’ kull sena għal kull min involut fl-industrija tal-online gaming u Malta hi ċ-ċentru tal-ikbar event li jsir fid-dinja, li huwa s-SiGMA, li jsir fostna. Dan ukoll juri s-saħħa ta’ dan is-settur f’pajjiżna fejn, nistgħu ngħidu, naħseb l-ikbar fid-dinja issibu ġewwa Malta, l-investituri, il-kumpaniji, kollha qegħdin hawn. Aħna dik ngħidulha, jiġifieri l-ekosistema tant hi b’saħħitha li tajjeb ukoll li jkollna dawn l-events li kważi niċċelebraw ta’ kull sena dan is-settur.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ SiGMA Group, Emily Micallef, spjegat li ttieħdu l-pariri u miżuri kollha biex tkun attività effiċjenti u ma toħloq l-ebda tip ta’ inkonvenjenza fejn possibbli.
“Għamilna numru ta’ laqgħat ma’ diversi awtoritajiet u adottajna numru ta’ suġġerimenti li għamlulna biex intejbu l-impatt fuq il-pajjiż, fosthom li mexxejna l-ftuħ tal-event b’siegħa. Ħa nibdew fl-10 flok fid-9, ħa nżidu n-numru ta’ shuttle buses u shuttle boats, ġejjin mill-Port, minn Tas-Sliema u minn San Ġiljan, biex kemm jista’ jkun innaqqsu l-impatt ta’ dawn is-27,000 persuna hawn Malta.”