Waslu fl-aħħar fażi x-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq Żabbar, waħda mit-toroq prinċipali li jgħaqqdu ż-Żejtun ma’ Ħaż-Żabbar, li se titgawda mill-pubbliku fi ftit tal-ġimgħat oħra.
Żar il-lant tax-xogħol il-Ministru għall-Infrastruttura Chris Bonett, fejn qal din hi parti mill-inizjattiva ‘Vjal Kulħadd’. B’din it-triq qegħda tiġi trasformata f’waħda li toffri ambjent isbaħ u vjaġġar iktar sigur.
Il-Perit ta’ dan il-proġett Joseph Galea spjega li x-xogħol f’din it-triq jinsab f’livell avvanzat fejn bħalissa qed jitqaxxar il-wiċċ tat-triq bi preparazzjoni għal xogħol ta’ infurzar fuq is-servizzi li għaddejjin minn taħt l-art.
“Pruvajna noħorġu b’disinn li jissodissfa lil kulħadd kemm min juża t-triq bil-vettura tiegħu kif ukoll min ikun irid jiġi jimxi. Pruvajna nintroduċu wkoll u rnexxilna fid-disin, cycle lane. Din se tkun maqgħuda mal-pedestrian area.”
Il-Ministru Bonett saħaq kif din it-triq hija eżempju ċar tal-viżjoni li qed iwettaq il-Gvern fejn toroq li kienu jintużaw mill-vetturi biss, issa se jibdew joffru wkoll spazju għal dawk li jivvjaġġaw bir-rota jew bil-mixi.
“Literalment se naqgħdu Ħaż-Żabbar maż-Żejtun fi triq waħda li qabel kienet tintuża biss għall-karozzi u issa se tingħata preferenza lir-roti, in-nies biex jimxu, se nkunu qegħdin niġbru l-ilma, anke biex nagħtu dak is-sens li għandna bżonn nibżgħu għall-ilma tagħna. Proġett, li kilometru se jkun qed juri fejn irid imur il-Gvern bil-mobbiltà tiegħu u bix-xogħol infrastrutturali tiegħu.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul.