Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-aġenżija tal-Gvern Infrastruttura Malta tellgħet pont tal-azzar twil 19-il metru fuq il-mina l-ġdida tar-roundabout tal-ajruport, li qed tibni bħala parti mill-Kirkop Tunnels u mill-Airport Intersection Project.
Il-Kap tat-Taqsima Proġetti, il-Perit Walter Portelli, spjega li fuq dan il-pont, li jiżen sitta u tletin tunnellata, l-aġenzija se tgħaddi erba’ pajpijiet ewlenin tal-provvista tal-ilma.
Qal, “Struttura tal-ħadid, struttura ta’ madwar ħamsa u tletin tunnellata ta’ ħadid biex minn fuqha nkunu nistgħu naqsmu l-mejns tal-ilma.”
Dan il-proġett se joffri joffri konnessjonijiet eħfef u b’inqas periklu lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq, u Ħal Safi kif ukoll għal inħawi oħrajn fil-viċinanzi.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Gudja u flyover li se tgħaddi minn fuqha, kif ukoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar.
Se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Port Ħieles, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija.
Il-mina l-ġdida se toħloq konnessjoni diretta u aktar sigura bejn il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni u dawk ta’ Triq Ħal Far.
B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin f’din ir-rotta, inklużi vetturi kbar, ġejjin minn jew sejrin lejn Birżebbuġa, il-Port Ħieles jew il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout.
Dan il-proġett, flimkien mal-Luqa Junction Project, li qed jinbena biswitu, se jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa erbgħa u sebgħin fil-mija f’kull direzzjoni tul din ir-rotta.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Proġetti u l-Implimentazzjoni, il-Perit Raphael Abdilla stqarr li dawn iż-żewġ proġetti ser jeliminaw ukoll żewġ żoni magħrufin għall-inċidenti tat-traffiku, billi jneħħu l-ħtieġa li vetturi jaqsmu kontra xulxin fiż-żewġ roundabouts.
Spjega, “Hekk se nkun aktar sigur, ikun hawn inqas konġestjonat u jtejjeb l-arja ta’ madwarna.”