Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għal Għawdex, flimkien mal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, bdew proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-proġett ta’ regional airfield għal ajruplani żgħar fix-Xewkija, fejn bħalissa hemm il-ħeliport.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa wara nofsinhar, u li ġiet indirizzata mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri. Huwa qal li, tul il-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern saħħaħ il-konnettività bejn il-gżejjer, kemm biż-żieda tar-raba’ vapur ta’ Għawdex kif ukoll permezz tas-servizz ġdid tal-fast ferry. Barra minn hekk, issaħħet il-konnettività diġitali permezz tat-tieni kejbil tal-fibra ottika.
Il-Ministru Camilleri qal li, permezz ta’ dan il-mitjar żgħir, Għawdex se jkollu mezz ieħor ta’ konnettività. Saħaq li l-proġett propost se jsir b’rispett sħiħ lejn l-ambjent tal-gżira biex l-impatt ikun wieħed minimu imma li jilħaq l-ambizzjonijiet li għalih qed jiġi propost. Sostna wkoll li ebda art addizzjonali m’hi se tittieħed u li dan il-proġett se jsir f’żona li bħalissa hi post tal-abbuż, fejn fil-passat intrema’ skart tal-kostruzzjoni u li ġiet skedata biex tintuża bħala airfield mill-awtoritajiet fil-pjani tal-iżvilupp. Qal li l-proposta hi li l-airstrip eżistenti titwal sa massimu ta’ 450 metru u b’hekk jiġi assigurat li din tintuża biss minn ajruplani żgħar.
Il-Ministru Clint Camilleri qal ukoll li, permezz ta’ dan l-investiment, il-Gvern se jkun qed joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda f’Għawdex biex b’hekk tkompli tiġi ddiversifikata l-attività ekonomika u jinħolqu aktar impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, Mario Borg, qal li l-Awtorità għandha rwol ċentrali fil-proġett propost, għax se tkun hi se tmexxi l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. L-għan ta’ din il-konsultazzjoni hu li l-awtorità jkollha pożizzjoni li tiddetermina jekk dan il-proġett, kif propost, hux se jħalli valur miżjud fil-gżira Għawdxija bl-inqas impatt ambjentali possibbli.
Din il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sas-27 ta’ Mejju li ġej.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur grda.mt.