Bdiet konsultazzjoni sabiex dawk iż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jingħataw id dritt tal-vot fl-elezzjoni ġenerali u dik tal-Parlament Ewropew.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet kmieni dalgħodu.
F’konformità mal-manifest elettorali tal-Gvern għall-2017-2022, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Julia Farrugia Portelli, ikkummissjonat ix-xogħol biex tiġi identifikata t-triq ‘il quddiem għall-introduzzjoni tad-dritt għall-vot fl-elezzjoni ġenerali u fl-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew għal dawk il-persuni li għandhom 16 u 17-il sena.
Intqal kif b’hekk ir-rappreżentanza fil-proċess tad-deċiżjoni nazzjonali jtejjeb il-qafas demokratiku f’pajjiżna billi jkun hawn ġenerazzjoni ġdida li tikkontribwixxi għad-deċiżjonijiet tan-nazzjon.
Ġie sostnut li kien għalekk li wara l-għoti tad-dritt għall-vot fl-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali lill-persuni li għandhom 16-il sena , il-pass li jmiss ikun li dan id-dritt jiġi estiż fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u kif ukoll tal-Elezzjoni Ġenerali.
Żgħażagħ ta’ 16-il sena issa se jkunu jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.