“It conditions the way you work. The way you think about your own country”
Ix-xahar ta’ Ottubru se jara kampanja intensiva kontra Malta fil-midja internazzjonali.
Ikkordinata minn nies ta’ Occupy Justice u l-persuni qrib tagħhom fil-Partit Nazzjonalista, din il-kampanja se jkun hemm fuq quddiem tagħha l-blogger Manuel Delia. Għalkemm mhux waħdu.
L-emfasi mistennija tkun fuq temi bħal ħasil ta’ flus, iċ-ċittadinanza b’investiment u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Iżda, mhux biss. Jidher biċ-ċar li dak kollu li jista’ jidher li qiegħed ipoġġi f’dawl ikrah il-Gvern u l-pajjiż se jinkluduh.
Dan kollu beda bi programm fuq BBC Two l-Ħadd fejn is-servizz fuq Malta kien ikkordinat kollu kemm hu minn Manuel Delia.
Fuq l-istazzjon Ingliż Delia reġa’ ħa pjaċir jgħid li Malta qiegħda tintuża mill-Mafja u jattakka l-industrija tal-gaming:
“The Italian mafia was using it to launder their money. Malta is being used to launder the Mafia’s money. Yes”
F’servizz li sema’ biss naħa waħda tal-istorja, Delia qal li n-nies li jiġu Malta biċ-ċittadinanza b’investiment jikru l-garaxxijiet.
Bil-karozza, Delia ħa lill-ġurnalist il-Bidnija. Meta ġie biex jirrakkonta x’ġara dakinhar li nqatlet Daphne Caruana Galizia rrepeta dak li qalu l-pulizija fl-awli tal-Qorti meta ressqu tliet persuni akkużati bil-qtil.
ONE NEWS jista’ jikkonferma li dan hu biss servizz wieħed minn sensiela li se jidhru fil-ġimgħat li ġejjin b’Manuel Delia u persuni oħra jagħmlu sforzi kbar biex bħal dan is-servizz ikollhom aħjar.
Fil-fatt l-istess grupp se jġibu Malta li John Sweeney tal-BBC biex ukoll jitkellem fuq is-suġġet.
Il-ftehim hu li kull servizz li jista’ jidher kontra l-Gvern huwa messaġġ li Daphne Caruana Galizia kienet tieħu gost bih u għalhekk biex ifakkruha f’dan ix-xahar jridu kemm jista’ jkun servizzi kontra Malta fil-midja internazzjonali.