Il-Ħamis filgħodu, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, fetaħ il-bibien tiegħu għal 50 kors u madwar 1,000 student, li bdew dan il-kapitlu ġdid fit-traġitt edukattiv b’mod virtwali.
Xi korsijiet, partikolarment dawk li joffru kura u ħarsien lill-anzjani u t-tfal fost oħrajn, qed jingħataw fuq il-kampus stess bil-miżuri kollha meħtieġa.
Mal-wasla tal-għalliem jew l-istudent, tittieħed it-temperatura tal-ġisem minnufih qabel ma jitħalla jidħol fil-post.
Il-kurituri kollha tal-kulleġġ tqasmu biex ikun hemm rotta waħda u kemma jista’ jkun ma jkunx hemm influss kbir ta’ persuni fl-istess ħin. Kull persuna qed tkun obbligata wkoll li tiġbed l-attenzjoni tat-tmexxija jew l-amministrazzjoni tal-kulleġġ dwar kwalunkwe nuqqasijiet li jista’ jkun hemm.
Kull klassi, uffiċċju u labortatorju qed jilqa’ numru limtat ta’ persuni fl-istess ħin, skont il-qisien tal-kamra stess.
L-Istitut għas-Servizzi fil-Komunità fost l-oħrajn, li jrid jilqa’ l-istudenti minħabba sessjonijiet prattiċi, kellu jadatta mod ieħor, kif spjegat id-Direttur AnnMarie Cassar.
Dan l-istitut ħares lejn “il-linji gwida ta’ kull settur, per eżempju l-ħwienet tal-parrukkiera, u dawk il-miżuri adottajniehom hawn. Jiġifieri apparti l-linji gwida stabbiliti tal-Kulleġġ, għandna linji gwida ta’ kull settur partikolari, u rajna li sar kull ma hemm bżonn” spjegat Cassar.
Fl-istess ħin l-istitut se jassigura wkoll li r-riżultati li l-istudenti jiksbu mill-aspett prattiku tal-kors se jinkisbu xorta waħda anke jekk b’miżuri kemmxejn differenti mis-soltu. “Jekk il-prattika mhux possibbli, se nsibu alternattiva għalihom. Aħna l-istudenti ma jiġux hawn biss għal-lezzjonijiet, imma għandhom element qawwi ta’ prattika. Se naraw li r-riżultati li suppost jilħqu l-istudenti jilħquhom xorta, anke jekk b’miżuri differenti”, temmet tispjega d-Direttur.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, il-Professur James Calleja, qal ma’ ONE News li l-kuntatt mal-Awtoritajiet tas-Saħħa huwa kontinwu biex ikun żgurat li l-miżuri u l-linji gwida tal-istituti kollha jibqgħu relevanti. Huwa ħeġġeġ lill-istudenti biex jattendu għal-lezzjonijiet b’mod fiżiku u jingħaqdu mal-għalliema fl-istituzzjonijiet edukattivi, li lkoll qed jipprovdu ambjent sigur f’normalità ġdida.
Huwa stqarr li “n-nefqa s’issa qabżet il-€75,000 f’apparat li kellna nixtru, u anke sinjali ġodda u maskri. Ħsibna għal kollox biex l-istudent jattendi u jipprova jgħix din in-normalità l-ġdida, kif qed insejħulha.”