L-Erbgħa filgħodu bdew id-diskussjonijiet biex sal-bidu tas-sena d-dieħla Malta jkollha l-ewwel Sistema Nazzjonali ta’ Housing.
Madwar ħamsin imsieħeb li fost l-oħrajn jinkludu akkademiċi mill-Università ta’ Malta, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, il-Fondazzjoni Richmond u l-YMCA, nġabru fuq mejda waħda sabiex jiddiskutu t-temi ewlenin ta’ din is-sistema, fosthom l-effetti reali u tanġibbli li din se jkollha fuq il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Preżenti, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif din is-sistema se tkun miftuħa għal diversi kategoriji ta’ persuni fis-soċjetà.
“Qed nidħlu għall-ewwel darba f’oqsma li neċċesarjament mhumiex marbuta ma’ housing soċjali fosthom l-affordabilità għaż-żgħażagħ, l-affordabilità għal min għandu bżonn jikri appartamenti u fuq nies li ma jaffordjawx jagħmlu xejn –allura wkoll qed nitkellmu fuq nies li għandhom bżonn housing speċjali. Dan kollu mhux biss se jkun parti mill-investiment li qed jagħmel il-Gvern imma qed inħarsu fit-tul biex pajjiżna jkomplu javanza ekonomikament.”
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li din is-sistema a se tiżgura wkoll li n-nies jkollhom housing adegwat sabiex jgħixu ħajjithom b’dinjità u sodisfazzjon.
Dan kollu qed isir propju fi żminijiet li pajjiżna għamel avvanzi kbar u importanti f’dan is-settur iżda ġie spjegat li dan ma jistax jieqaf hawn għax mhux biss irid jaqdi l-bżonnijiet tal-ġenerazzjoni preżenti iżda ikun hemm għal dik futura.
Il-konsultazzjoni għal din is-sistema ta’ housing f’Malta ġiet estiża ukoll ma’ Professuri barranin b’esperjenza vasta fit-tfassil tal-politika tal-housing, fsothom mid-Direttur taċ-Ċentru tal-Politika tal-Housing fi ħdan l-Università ta’ York, il-Professur Nicholas Pleace.