Fil-Palazz Presidenzjali l-ġurnata tal-lum, tliet Ambaxxaturi mhux residenti ppreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.
Dawn huma Manuel José Antonio Cacho Sousa Velázquez (Perù), Mohamed Khelifi (Alġerija), u Abat Fayzullaev (Użbekistan).

L-Ambaxxatur ta’ Perù faħħar l-isforzi multilaterali ta’ Malta, b’mod speċjali fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2023-2024) u matul il-Presidenza tal-OSCE (2024). Id-diskussjonijiet iffokaw fuq ir-relazzjonijiet bilaterali, b’enfasi fuq l-edukazzjoni u l-kultura, kif ukoll fuq l-iżviluppi internazzjonali riċenti.
L-Ambaxxatur ta’ Alġerija tenna l-ħtieġa ta’ aktar kooperazzjoni ekonomika, kulturali u kummerċjali. Huwa faħħar il-ħidma ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà u saħaq fuq il-valuri kondiviżi bejn iż-żewġ pajjiżi favur il-paċi u s-sigurtà globali. Il-President enfasizzat l-importanza ta’ aktar kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi Mediterranji.
L-Ambaxxatur ta’ Użbekistan esprima x-xewqa li jibni rabtiet aktar b’saħħithom ma’ Malta, b’fokus fuq il-kooperazzjoni f’oqsma bħat-turiżmu u l-edukazzjoni. Huwa rringrazzja lil Malta għall-appoġġ tagħha waqt il-Presidenza tal-OSCE.
Il-President Spiteri Debono ferħet lill-Ambaxxaturi għall-ħatra tagħhom.