L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) tinsab fil-proċess li ttejjeb il-mod li bih ikun irrapportat mard li jinbet mill-post tax-xogħol. Għal dan il-għan se jitwaqqaf ċentru li se jservi bħala punt fejn ħaddiema jistgħu imorru jekk jissusspettaw li għandhom xi forma ta’ marda jew kundizzjoni li ġejja mill-post tax-xogħol.
Ħaddiema se jkunu jistgħu jmorru fuq inizjattiva tagħhom stess, inkella fuq riferiment ta’ min iħaddimhom jew min jieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan għandu jagħmilha aktar faċli biex l-awtoritajiet Maltin jikkordinaw u jikkoperaw ma’ min iħaddem biex ikunu kkontrollati fatturi li jistgħu jwasslu għall-mard.
Fi stqarrija l-OHSA spjegat li l-fatturi li jwasslu għall-mard huma diversi, u l-mard jista’ jiżviluppa f’qasir żmien, bħal problemi fil-ġilda jew fil-muskoli, u jista’ jkun ukoll li jiżviluppa fuq medda ta’ żmien, bħal mhuwa l-kanċer.
Għalhekk li wieħed jirrikonoxxi l-perikli għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol huwa għodda importanti ħafna. Mark Gauci, Kap Eżekuttiv tal-OHSA, stqarr li problema ewlenija tibq’ l-biża li jekk bniedem jitkellem jew jirrapporta, jipperikola l-post tax-xogħol tiegħu.
Saħaq li dan m’għandux ikun il-każ filwaqt li appella biex professjonisti fil-qasam mediku jużaw attitudni professjonli u jinformaw lill-Awtorità meta jiltaqgħu ma każijiet li jissuspettaw li jkunu ġejjin mill-post tax-xogħol.