F’dawn il-jiem smajna ħafna l-frażi “qisu s-sajf”. Pajjiżna mhux waħdu li qed jesperjenza temp li donnu ma jridx jaf bix-xitwa.
Partijiet minn Franza u Spanja qed jesperjenzaw tmiem ta’ Ottubru aktar sħun mis-soltu, b’għawwiema jgawdu temperaturi ta’ madwar 20-21C fuq ir-Riviera Franċiża.
“Din is-sena hija eċċezzjonali,” qalet Rose-Marie Martini lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters fuq il-bajja ta’ Nizza. “Fl-aħħar ta’ Ottubru, normalment jiksaħ b’mod normali u sa Jum il-Qaddisin Kollha (l-1 ta’ Novembru) tagħmel ix-xita.”
Miljuni ansjużi fl-Ewropa dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil mhux se jkollhom għalfejn jixegħlu l-heaters għalissa. F’pajjiżna, il-Gvern daħal hu stess għall-prezzijiet tal-enerġija, biex joffri serħan il-moħħ fid-dawl tal-kriżi dinjija fejn jidħol il-prezz tal-elettriku.
It-temp sħun jista’ jkun sinjal ta’ xejriet tat-temp li qed jinbidlu wara sajf li fih kellha sħana estrema fl-Ewropa, b’nirien feroċi u nixfa. Is-sħana tremenda saret aktar frekwenti, aktar intensa, u ddum aktar, aktarx minħabba t-tibdil fil-klima kkaġunat mill-bniedem.
Françoise Vimeux, xjentista dwar il-klima fl-Istitut Nazzjonali Franċiż tar-Riċerka għall-Iżvilupp Sostenibbli, stqarret mal-BBC li huwa “probabbli ħafna” li dan it-temp jista’ jiġi attribwit għat-tibdil fil-klima. Id-dinja diġà saħħnet b’madwar 1.1C minn mindu bdiet l-era industrijali u t-temperaturi mbassra li jibqgħu jogħlew.
Fil-jiem li ġejjin, mistennija temperaturi għolja kuljum f’Nizza, li se jilħqu madwar 24C. Hemm tbassir simili għal Malaga, fin-Nofsinhar ta’ Spanja. Franza rreġistrat temperaturi ta’ bejn ħames u sitt gradi ogħla min-normal fl-aħħar 10 ijiem.