L-MPE Malti mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) Thomas Bajada nħatar Rapporteur għall-Inizjattiva tal-Istrateġija tar-Reżiljenza tal-Ilma tal-Parlament Ewropew, li jimmarka pass importanti ‘l quddiem fl-indirizzar tal-isfidi urġenti relatati mar-riżorsi tal-ilma fl-Unjoni Ewropea.
“Ninsab onorat li qed ningħata din ir-responsabbiltà immensa fi żmien meta d-dinja qed taffaċċja t-tibdil fil-klima u qed tiżdied il-pressjoni fuq ir-riżorsi prezzjużi tal-ilma, li b’hekk jheddu l-umanità tagħna,” qal Bajada.
L-Inizjattiva tal-Istrateġija ta’ Reżiljenza tal-Ilma, immexxija minn Bajada, tħares lejn prijoritajiet ewlenin, fosthom l-effiċjenza tal-ilma, l-iskarsezza tal-ilma, it-tniġġiż, u l-investimenti fid-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni tul iċ-ċiklu tal-ilma. Din l-inizjattiva se tibni l-pedament għall-Istrateġija Ewropea ta’ Reżiljenza għall-Ilma, li għandha titnieda mill-Kummissjoni Ewropea aktar tard din is-sena.
Strateġija li tkun integrata għall-UE kollha hija kruċjali biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ilma, l-ekosistemi u l-komunitajiet ikunu jistgħu jadattaw u jirkupraw minn sfidi relatati mal-ilma, bħal nixfiet, għargħar, u tniġġis ikkawżat mill-bniedem. Il-ħidma ta’ Bajada tibni fuq l-impenn li ħadet l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, bit-titlu “Insostnu l-kwalità tal-ħajja tagħna: is-sigurtà tal-ikel, l-ilma, u n-natura,” fejn ir-reżiljenza tal-ilma hija pilastru ewlieni.
Barra minn hekk, bil-ħatra ta’ Kummissarju responsabbli għar-Reżiljenza għall-Ilma, u task force kompost minn diversi Kummissarji li huwa ddedikat għar-Reżiljenza għall-Ilma, joffru opportunità bla preċedent għall-UE biex tissimplifika l-approċċ tagħha lejn il-politiki relatati mal-ilma. Bajada huwa determinat li jintegra s-setturi kollha involuti, bil-għan li jagħmel mir-reżiljenza għall-ilma pedament ewlieni tal-politika tal-UE.
“Din hija responsabbiltà kbira. L-ilma għandu jiġi stmat għal dak li hu tassew: il-ħajja,” irrikonoxxa Bajada. “Il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-ilma hija frammentata f’diversi setturi. Meta ngħaqdu dawn l-elementi fi strateġija komprensiva, l-UE tista’ tagħti gwida ċara għall-Istati Membri, il-partijiet interessati, u ċ-ċittadini kollha, filwaqt li tiżgura ġestjoni effettiva u sostenibbli tal-ilma.”
Bħala Rapporteur, Bajada huwa impenjat li jippromwovi approċċ integrat fl-UE kollha sabiex jiżgura r-reżiljenza tal-ilma u jissalvagwardja r-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.