Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżid l-isforzi tagħha biex toħroġ ideat konkreti bil-għan li ssolvi l-kriżi tal-ilma li qed tiffaċċja. Dan intqal mill-Membru Parlamentari Ewropew Thomas Bajada, f’intervista li saritlu mis-sit awtorevoli Politico.
L-MEP żagħżugħ qal li, jekk l-Unjoni Ewropea se tistenna 25 sena biex tilħaq ftit mir-riżultati konkreti, tkun intilfet opportunità importanti.
Is-sit awterovoli nnota li l-Ewroparlamentari Għawdxi ħadem fuq dokument biex ikun jista’ jiġi inkluż fl-istrateġija li se titħabbar iżjed tard mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reżiljenza tal-ilma fl-Ewropa.
Bajada qal li f’dan ir-rapport irid jintlaħaq livell fl-użu tal-ilma, fosthom fl-industriji, fl-agrikoltura u fid-djar, fl-ilma li jintuża mill-familji.
L-MEP Laburista qal li hu ħa jkompli jaħdem biex issir din l-istrateġija, waqt li qal li kellu taħditiet mal-Kummissarju Ewropew responsabbli fost oħrajn mir-reżiljenza tal-ilma, Jessika Roswall.
Fl-intervista ma’ Politico, Bajada semma kif hu ġej minn Malta, li għandha sfidi ta’ skarsezza tal-ilma u tgħallem dwar l-importanza ta’ din ir-riżorsa mill-iskola. Qal li din l-esperjenza tgħinu aktar fil-ħolqien ta’ din l-istrateġija.