Fix-xhur li ġejjin il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ se jniedi sit elettroniku ġdid għal dawk li jivvjaġġaw. Din il-websajt se tkun tista’ tintuża mill-Maltin u minn dawk kollha li jafu l-lingwa Ingliża.
Is-sit elettroniku se jkun jismu Consular Plus u se jkun fih informazzjoni utli għal qabel, waqt, u wara s-safar. Huwa maħsub li jservi bħala għodda li tkompli tibni fuq is-servizzi li kienu diġà qed jiġu offruti permezz tal-applikazzjoni Malta Travel Point, li issa se ċċedi postha għal dan is-sit elettroniku ġdid. Minn mindu ġiet introdotta f’Awwissu tal-2019 sa issa, l-app Malta Travel Point tniżżlet minn kważi 7,675 persuna.
Il-Maniġer tas Situation Centre fid-Direttorat tal-Affarijiet Konsulari tal-Ministeru, Gordon Formosa, qal li fis-sit elettroniku Consular Plus se jkun hemm diversi pariri dwar l-ivvjaġġar, li jinkludu r-restrizzjonijiet li għandu kull pajjiż.
Qal li fuq is-sit hemm madwar 220 pajjiż, u meta wieħed jagħmel account, jista’ jirċievi notifika kull meta jkun hemm informazzjoni utli fuq pajjiz partikolari.
Il-website se jkollha sitt kategoriji. Dawn se jkunu jinkludu avviżi fuq l-ivvjaġġar bħal informazzjoni dwar il-viża, restrizzjonijiet u n-numru tal-emerġenzi, fejn wieħed jista’ jċempel jekk ikollu bżonn amublanza jew servizz tal-pulizija. Se jkun hemm lista ta’ bosta pajjiżi fl-Ewropa, li fiha wieħed jista’ jara r-restrizzjonijiet tal-pajjiż partikulari, u anke x’tip ta’ vaċċini tal-Covid-19 jaċċettaw.
Apparti l-Maltin, il-website Consular Plus se tkun tista’ tintuża minn barranin li jixtiequ jiġu f’Malta, kemm għal vaganza u kif ukoll biex jibqgħu jgħixu hawnhekk.
Formosa qal li, minn din il-website, wieħed se jkun jista’ jinforma ruħu iktar billi jirreġistra u jiġi informat bit-tibdiliet li jkunu qed iseħħu f’kull pajjiż.
Qal, “Jiġifieri, għall-argument, dak li jkun sejjer il-Filippini, iniżżel id-dettalji tiegħu, id-dati ta’ meta se jitlaq minn Malta, minn fejn se jgħaddi u meta se jkun qiegħed fil-pajjiż partikolari, u jekk allaħaresqatt jinqala’ xi ħaġa, aħna min-naħa tagħna, mis-sezzjoni konsulari, inkunu nistgħu niffolowjaw x’qed jiġri lil dawk il-persuni, li huma f’dak il-pajjiż f’dak il-mument’”
Id-dejta li tinħażen f’din il-websajt titneħħa ġaladarba tkun skadiet.