“Keith Schembri qatt ma qalli biex noqtol lil Daphne Caruana Galizia.”
Hekk reġa’ ddikjara l-middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Melvin Theuma, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-konfront tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, n-negozjant Yorgen Fenech.
L-avukati ta’ Yorgen Fenech allegaw lil Edwin Brincat magħruf bħala l-Ġojja ta tletin elf ewro lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar sabiex Theuma jingħata l-maħfra. Theuma ċaħad din l-allegazzjoni.
Fil-kontro eżami, l-Ispettur Keith Arnaud qal li l-investigazzjonijiet fuq Keith Schembri għadhom għaddejjin b’mod attiv.
Intant, waqt il-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma saret referenza għal wieħed mir-recordings li ħa Theuma. Il-Qorti pruvat terġa’ tisma’ dan ir-recording, iżda jidher li dan tħassar.
Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li dan mhuwiex aċċettabbli.
Il-kumpilazzjoni damet aktar minn seba’ sigħat, biż-żewġ xhieda li sarilhom il-kontro eżami kienu l-ispettur Keith Arnaud u Melvin Theuma.
Is-seduta kienet ikkaratterizata minn tensjoni kbira u għajjat fl-awla bejn l-avukati tad-difiża u l-prosekuzzjoni.
Tant li f’mument minnhom il-Maġistrat Montebello immultat ħamsin ewro kull wieħed lill-avukati ta’ Yorgen Fenech, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca.
Fis-seduta tal-Ħamis kellu jixhed l-eks Kummissarju tal-pulizija Lawrence Cutajar iżda wara li għamel aktar minn sitt sigħat jistenna biex jixhed, il-Qorti infurmatu li se tkun qed tisma’ x-xhieda tiegħu darba oħra.