Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, użat Jum il-Mara biex tiddefendi lil Jason Azzopardi.
Dan wara li ONE News żvela li għal numru ta’ snin, Jason Azzopardi ma ddikjarax id-dħul tiegħu għall-ħlas ta’ taxxa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet oħra tal-Partit Nazzjonalista, ONE News staqsa lil Comodini Cachia dwar in-nuqqasijiet fiskali ta’ seħibha mill-istess fazzjoni.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali ma stennewx li Comodini Cachia tiddefendi lil Jason Azzopardi b’dan il-mod.
Dan speċjalment wara l-iżviluppi drammatiċi tas-sajf li għadda meta l-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, fosthom Jason Azzopardi, proponew lil Comodini Cachia sabiex tieħu post Adrian Delia bħala Kap tal-Partit.
Dan wara li l-fazzjoni ta’ Busuttil bdiet tagħfas fuq dawk li sejħet bħala dellijiet li għandu fuqu Adrian Delia.
Comodini Cachia spiċċat baqgħet l-art u ma ħaditx il-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, u wisq inqas il-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għażlet lil Bernard Grech biex itellaq ma’ Delia u b’hekk twaqqfet Comodini Cachia milli tikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.