L-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ddiġenerat f’tgħajjir minn Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, iż-żewġ deputati Nazzjonalista waqt ix-xhieda tal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Matthew Carbone.
F’waqtiet tul ix-xhieda tiegħu Carbone ġie mgħajjar mazzun u iblah minn Azzopardi, filwaqt li stieden lill-Qorti sabiex lil Carbone, jitfgħuh ‘isfel’.
Dan filwaqt li Therese Comodini Cachia talbet li Carbone jkun arrestat sabiex ikun mitkellem mill-Pulizija.
Huma kienu mwissija mill-bord tal-inkjesta sabiex jimmoderaw il-lingwaġġ tagħhom.
Dan il-kjass inqala’ meta Carbone kien qed ikun mistoqsi dwar laqgħa tal-Kabinett li saret fit-28 ta’ Novembru li għadda, meta xi ġurnalisti allegaw li baqgħu jinżammu f’kamra f’Kastilja wara konferenza tal-aħbarijiet.
Carbone qal li bil-preżenza tal-ġurnalisti barra Kastilja, l-ex Prim Ministru talab li ssir konferenza tal-aħbarijiet.
Spjega li huwa niżel sabiex idaħħal il-ġurnalisti iżda magħhom daħlu wkoll xi dimostranti li bdew jgħajru lilu u lill-Prim Ministru żibel.
Huwa spjega li kien hemm assalt fuq il-bieb ta’ Kastilja u li tħalla xi ħin sabiex is-sitwazzjoni tikkalma.
Sostna li waqt u wara l-konferenza stampa skatta mekkaniżmu normalissimu ta’ mmanniġġjar tal-midja li kienet ilha tintuża għal seba’ snin, fejn l-ewwel joħroġ il-Prim Ministru mis-sala tal-ambaxxaturi u wara joħorġu l-ġurnalisti.
Xehed li fl-ebda ħin il-ġurnalisti ma nżammu kontra r-rieda tagħhom u saħaq li l-istess proċedura ntużat tliet ġimgħat qabel fil-baġit.
Carbone qal li huwa qed jagħti dawn id-dettalji mingħajr ma jippreġudika investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ. Hawn qamu Azzopardi u Comodini Cachia li bdew jinsulentawh.
Mistoqsi minn Comodini Cachia dwar ritratt tiegħu “jattendi” protesta ta’ Occupy Justice fl-2017, ix-xhud qal li dan huwa malafamanti.
Spjega li dakinhar ħareġ minn Kastilja f’xit-tmienja ta’ bil-lejl u l-karozza kienet ipparkjata ħdejn il-Bank Ċentrali u għalhekk kellu jaqsam il-pjazza.
Qal li għall-protesta kien hemm sejħa għall-midja u nfatti ltaqa’ ma’ xi ġurnalisti. Ħdejhom huwa ħa ritratt ta’ xi ħaġa pubblika, iżda qal li għax għamel hekk huwa ġie mgħajjar u mżeblaħ fuq il-blog ta’ Manuel Delia.
Fis-seduta tat-Tnejn xehed ukoll l-eks editur tal-Orizzont Josef Caruana, fejn għal darb’ oħra Jason Azzopardi intilef f’dagħdiegħa ta’ għajjat, quddiem tliet imħallfin.