Therese Comodini Cachia, li fl-aħħar ġimgħat serviet bħala l-wiċċ tal-grupp tad-deputati ribelli kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia biex teħodlu postu, issa qed tħossha użata u traduta minn sħabha stess.
Dan hekk kif il-fazzjoni ta’ Simon Busutill, li s-Sibt għaddiet tagħha u se tmur għal elezzjoni oħra għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, issa qed tippreferi lil Bernard Grech, bl-iskuża li hu wiċċ ġdid aktar minnha.
Il-gazzetta Kullħadd irrapurtat kif sorsi qrib il-fazzjoni Busuttil qalu li f’dawn l-aħħar ġimgħat ma impressjonatx wisq waqt id-dibattiti televiżivi, il-kummenti li tat lill-ġurnalisti u anke fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika fejn ġiet imqabbla ma’ Delia. Dawn il-wirjiet negattivi rrifflettew li Comodini Cachia m’għandhiex l-istoffa biżżejjed biex tkun Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, ONE News żvela kif id-Deputat Jason Azzopardi, li huwa minn ta’ quddiem kontra l-Kap Adrian Delia, deher jikkonfoffa mal-avukat Bernard Grech f’ħanut tax-xorb f’Tas-Sliema.
Il-gazzetta Kullħadd qalet kif Bernard Grech issa qed jieħu s-sopravvent fuq ix-xogħol li ħadmet għalih Comodini Cachia.
Sorsi qrib il-fazzjoni ta’ Busuttil qalu kif Comodini Cachia kibritilha rasha u kienet diġà tħossha Kap tal-Oppożizzjoni minn qabel effettivament il-President George Vella kkonkluda li Delia kien għadu l-Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni u allura ma setax ineħħih minn din il-kariġa kostituzzjonali.
Iżda din l-aħħar ġimgħa, il-moral ta’ Comodini Cachia niżel ikaxkar mal-art u qed tħossha qisha lumija użata.