Qabel mal-Membru Parlamentari Therese Commodini Cachia tkellmet dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fil-Parlament, hija kellha tkun taf il-fatt bażiku li s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista kien irreżenja mill-kariga ta’ chairman tal-Awtorità kif inhi l-prassi. Sadanittant huwa nħatar Segretarju Parlamentari u allura ma jistax ikun chairman tal-Awtorità.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u Valletta 2018.
Fi stqarrija ntqal li r-riżenja ta’ Dr Debattista kienet effettiva mal-ħatra tiegħu bħala Segretarju Parlamentari. Dan għaliex skont Artikolu 8 (5) tal-Att dwar l-OHSA, persuna ma tkunx kwalifikata għall-kariga ta’ membru tal-Awtorità jekk tkun Ministru jew Segretarju Parlamentari.
Il-ħatra ta’ Dr Debattista bħala chairman tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, kienet dejjem skont il-liġi ta’ pajjiżna, u dejjem okkupa din il-karga b’mod imparzjali kif jistgħu jixhdu l-ħaddiema tal-OHSA. Tant hu hekk li tul dawn l-erba’ snin l-Awtorità rat kambjament għall-aħjar.