Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May wegħdet vot fuq il-possibilità li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jittawwal, jekk il-House of Commons ma japprovax il-ftehim tagħha u lanqas Brexit mingħajr ftehim.
May għamlet dan hekk kif kienet qed taffaċċja ribelljoni minn ministri tal-kabinett tagħha stess.
Il-vot finali fuq il-ftehim ta’ May mistenni jittieħed sat-tnax ta’ Marzu. Jekk dan ma jgħaddix, l-għada jsir vot biex ir-Renju Unit joħroġ mingħajr ftehim. Iżda jekk lanqas dan ma jgħaddi, May se tpoġġi riżoluzzjoni biex Brexit tiġi posposta sa mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju.
Il-Prim Ministru May saħqet li l-aħjar triq tibqa’ dik li jiġi approvat il-ftehim tagħha.