Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May tkellmet dwar il-pjan tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Dan għamlitu lil diplomatiċi f’Lancaster House.
Qalet fost oħrajn li r-Renju Unit ma jistax jibqa’ fis-suq waħdani Ewropew, għax ikun ifisser li prattikament ma jkun telaq xejn mill-UE. Qalet però li r-Renju Unit se jkun qed jagħti l-ikbar imbottatura possibbli sabiex jibqa’ jaċċessa dan is-suq. Ħabbret li l-Parlament se jkun qed jivvota fuq il-ftehim aħħari bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea. Wiegħdet it-tmiem tal-era li fiha r-Renju Unit kien jikkontribwixxi bi kbir f’dawk li huma finanzi Ewropej.
May elenkat tnax-il priorità għan-negozjati Brexit. Fosthom hemm li tibqa zona tal-ivjaġġar komuni bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda, li jsir negozju mal-Unjoni mingħajr tariffi żejda, li jkun hemm ftehim dwar il-kummerċ mal-UE, li jkun hemm qsim ta’ informazzjoni fejn tidħol is-sigurtà u l-forzi tal-ordni u li jkun hemm kontroll fuq id-drittijiet tal-migrazzjoni ta’ ċittadini Ewropej fir-Renju Unit, u ta’ ċittadini Ingliżi fl-Ewropa.