F’diskors importanti li se tkun qed tagħmel f’Firenze llum il-Ġimgħa, il-Prim Ministru Ngliża hija mistennija toffri soluzzjonjiet ġodda biex tissolva l-kwistjoni tal-Brexit.
Skont sorsi rilaxxati qabel d-diskors tagħha, hija mistennija tipproponi ftehim ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn, li jibda minn wara li r-Renju Unit uffiċjalment iħalli l-blokka ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Issemmiet ukoll is-somma ta’ għoxrin biljun ewro, li mistennija tkun offerta biex ikun kopert it-telf ta’ fondi li se ssofri l-Unjoni Ewropea bil-ħruġ tar-Renju Unit.
Hija mistennija tgħid li ftehim finali ta’ suċċess huwa fl-interess mhux biss tar-Renju Unit iżda wkoll tal-bqija tal-pajjiżi tal-UE.
“Jekk jirnexxielna nagħmlu dan, allura meta jinkiteb dan il-kapitlu tal-istorja Ewropea mhux se nkunu mfakkra għad-differenzi li ffaċċjajna, imma għall-viżjoni li urejna, mhux għall-isfidi li ġarrabna imma għall-kreattività li użajna biex negħlbuhom, mhux għal relazzjoni li spiċċat iżda għal sħubija ġdida li bdiet. ”
Ir-raba’ rawnd ta’ negozjati għall-Brexit mistenni jibda fil-25 ta’ Settembru li ġej, bir-Renju Unit mistenni jħalli l-UE f’Marzu 2019.