Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May temmet il-mandat tagħha bħala mexxej tal-Partit Konservattiv Ingliż fis-sebgħa ta’ Ġunju, ġimgħatejn wara li ħabbret ir-riżenja tagħha minn din il-kariga minħabba li ma kisbitx riżultati ‘sodisfaċenti’ dwar Brexit.
Hija se żżomm il-kariga ta’ Prim Ministru sakemm ikun maħtur is-suċċessur tagħha, x’aktarx lejn l-aħħar ta’ Ġunju. S’issa, ħdax il-Membru Parlamentari tal-Partit Konservattiv qalu li huma mħajra jikkontestaw għall-kariga, fosthom il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-eks Sindku ta’ Londra, Boris Johnson.
Theresa May se tkun ilha tliet snin isservi bħala Prim Ministru tar-Renju unit wara r-riżenja ta’ David Cameron meta l-għajta ‘LEAVE’ rebħet ir-referendum ta’ Ġunju 2016. Sa dak iż-żmien hija kienet serviet bħal Ministru għall-Intern u vvotat biex ir-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea qabel ma’ ngħatat il-kariga ta’ Prim Ministru.
Żmienja bħala Prim Ministru tar-Renju Unit kien iddominat minn Brexit, bil-Partit Konservattiv jibqa’ maqsum dwar il-kwistjoni, tant li May ma rnexxilhiex tgħaddi l-abbozz dwar Brexit minn Westminster. Ir-Renju Unit kien mistenni jitlaq mill-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu li għadda, iżda l-perjodu tal-ħruġ spiċċa kien estiż sat-12 ta’ April, u eventwalment sal-31 ta’ Ottubru li ġej.
Theresa May se tibqa’ mfakkra bħala t-tieni Prim Minsitru mara tar-Renju Unit wara Margaret Thatcher.