Għaddejjin ġmielhom il-preparamenti għall-attività tal-Partit Laburista ta’ nhar il-Ħadd li ġej fit-Trade Fair Grounds, in-Naxxar; ir-Rally TEAM MALTA.
Il-qofol tar-Rally Team Malta se jkun il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, li matul il-ġimgħa ħabbar l-ewwel proposti għall-futur isbaħ għal pajjiżna.
Għal dan ir-Rally, in-nies huma mistiedna jirreġistraw għal post bil-qiegħda hekk kif l-attività qiegħda ssir b’responsabilità.
L-ispettaklu jibda fl-erbgħa ta’ waranofsinhar u fl-aħħar sigħat kien għaddej l-armar fin-Naxxar għal din l-attività mill-isbaħ b’messaġġ pożittiv ta’ Malta Flimkien.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista, Daniel Micallef qal kif din l-attività mistennija tagħlaq l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali, ġimgħa pożittiva.
Qal, “Attività mill-isbaħ fuq skala kbira. Nappella lil kulħadd sabiex propju jingħaqad magħna, minn qed isegwina seta’ jara l-livell ta’ preparazzjoni tal-Partit Laburista. Meta ssejħet l-elezzjoni immedjatament wara bdejna bil-proposti li jolqtu lil kulħadd jekk huwa tnaqqis fit-taxxi għan-negozji, ż-żgħażagħ, l-anzjani u ħa nkomplu għaddejjin b’dan ir-ritmu. L-appell tagħna hu li tingħaqdu magħna nhar il-Ħadd għall-ewwel attivita’ tal-massa.”
Micallef, qal kif nhar il-Ħadd għandha tingħata merħba mill-isbaħ lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Dan anke wara li din il-ġimgħa kellu jieqaf għal jum mill-kampanja elettorali biex qeda l-interessi nazzjonali f’summit fi Brussell.
Qal, “Ovvjament hemm il-Prim Ministru ġab il-pajjiż kif jagħmel dejjem bħala statista. Minkejja li qegħdin f’kampanja elettorali telaq kollox minn idejh biex imur jattendi u jaqdi l-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Prim Ministru, f’isimna bħala Maltin u Għawdxin.”
Wieħed jista’ jirreġistra post partilaburista.org jew fuq 20901751.