Bi preparazzjoni għall-kampjonat Ewropew tal-Waterpolo għas-sena 2024, f’pajjiżna qed titella’ l-ewwel edizzjoni ta’ SportMalta Christmas International Water Polo Tournament bil-parteċipazzjoni ta’ erba’ timijiet, inkluż Malta li kkwalifikaw għal dan il-kampjonat.
Fil-fatt, din hija l-ewwel darba li pajjiżna ospita timijiet internazzjonali oħra tal-water polo biex jieħdu sehem f’turnew bi tħejjija għall-kampjonat Ewropew. Dan it-turnew qed jittella’ fil-pixxina ta’ daqs olimpiku ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera b’investiment ta’ erbatax-il miljun ewro.
Għaldaqstant, ftit sigħat qabel bdiet l-ewwel logħba ta’ dan it-turnew fejn it-tim nazzjonali Malti tal-irġiel iffaċċja lil kontroparti tiegħu Taljan, dan l-istazzjon żar parti mit-tħejjijiet għal dan it-turnew fosthom it-taħriġ finali li t-tim Malti kien għaddej bih. Tul it-turnew pajjiżna se jilgħab kontra t-timijiet ta’ Franza u dak Olandiż.
Hemmhekk, tkellimna mal-kowċ tat-tim Milan Ćirović li nnota kif dan it-turnew se jservi bħala l-aħħar ċans biex jintgħażlu l-ħmistax-il atleta li se jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżna fil-kampjonat Ewropew li se jibda fl-4 ta’ Jannar li ġej.
“I expect really here to show everyone the new face of Malta’s water polo especially because we are playing at home in our new indoor pool. I hope that a lot of people will come to support us these three days. We are playing really good games against very good and quality teams in Europe; Italy, France and Holland. They are really good and serious teams, and they invest a lot of money in water polo.”
Hu tenna wkoll kif it-turnew se jservi bħala l-aqwa mod li bih jista’ jipprepara t-tim Malti, li fil-kampjonat Ewropew se jkun qed jiffaċċja timijiet kbar oħra bħall-Ġermanja, l-Iżrael, u r-rebbieħa Olimpiċi s-Serbja, li lkoll jinsabu fi Grupp Ċ ma’ pajjiżna.
Fil-kumpless sportiv tkellimna ukoll mal-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar li nnota l-importanza tal-investiment f’pixxina tal-ogħla livell hekk kif iddeskriviha bħala neċessarja għall-isport akkwatiku inġenerali, b’mod partikolari biex pajjiżna jkollu l-opportunità li jospita timijiet kbar fosthom l-Italja u Franza li s-sena d-dieħla se jospitaw l-Olimpjadi.
Cutajar elenka wkoll l-fatt li dan it-turnew huwa frott ta’ kollaborazzjoni bejn SportMalta u VisitMalta biex it-tim Malti għall-ewwel darba se jilgħab f’pajjiżu ma’ dawn it-timijiet.
“Ir-requests huma kbar biex tiġi użata din il-pixxina. Diġà kellna wkoll artistic swimmers mill-Gran Brittanja li ġew jieħdu sehem ovvjament hawnhekk hawn livell għoli. L-ewwelnett hawnhekk hawn livell għoli ta’ organizzazzjoni, nixtieq nirringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ SportMalta li kuljum jieħdu dan ix-xogħol b’tant dedikazzjoni u hawn livell għoli wkoll tekniku biex flimkien inkomplu nkabbru l-isport Malti u nkomplu nġibu aktar turiżmu sportiv.”
Fil-fatt, din il-pixxina diġà rat kompetizzjonijiet tal-għawm artistiku, fost l-oħrajn u s-sena d-dieħla mistennija li tospita l-kampjonati mondjali ta’ taħt is-sittax-il sena tal-water polo.