Se tittella’ konvenzjoni fuq tlett ijiem iddedikata għall-imprendituri u s-self-employed f’pajjiżna fejn se tiġi ttrattata l-politika strateġika ‘Viżjoni Malta 2050’, li tnediet mill-Gvern għall-konsultazzjoni.
Din il-konvenzjoni se tibda nhar l-Erbgħa li ġej b’diskors tal-ftuħ tal-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, flimkien ma’ kelliema prinċipali oħrajn biex, imbagħad, tingħalaq il-Ġimgħa wara nofsinhar, b’diskors konklussiv tal-Prim Ministru Robert Abela.
Waqt żjara li għamel ONE News f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fejn qed isiru t-tħejjijiet, tkellimna ma’ Anthony David Gatt, f’isem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
“Issa jmisss il-mument tal-imprendituri u s-self-employed li se jkunu qegħdin hawnhekk f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bejn l-Erbgħa u l-Ġimgħa u jkunu qegħdin jgħaddu l-ideat tagħhom.”
Anthony David Gatt, Uffiċju tal-Prim Ministru
Gatt spjega li, permezz ta’ workshops interattivi ta’ tliet sigħat kull wieħed, il-konvenzjoni mhux se tkun bħal konferenzi oħrajn.
Fil-fatt, din mhux se tara biss ftit kelliema fuq palk prinċipali u min jattendi ma jkollux l-opportunità li jaqsam pubblikament ħsibijietu, iżda se tkun qed tagħti vuċi sħiħa lil dawk kollha li jattendu dwar kif Malta għandha tkun 25 sena oħra.
“L-ideat se jkunu qed jgħadduhom b’mod prattiku ħafna, jiġifieri din mhux se tkun konsultazzjoni fejn wieħed jisma’ biss il-kelliema fuq il-palk prinċipali, iżda jkun proprju hu li jgħaddi l-ideat tiegħu, fi gruppi żgħar fejn se jkun hemm l-opportunità li wieħed joħroġ b’idea tiegħu, iżda wkoll jaħdem fuq il-pjan t’azzjoni.”
Anthony David Gatt, Uffiċju tal-Prim Ministru
Il-workshops se jkunu qed jiffokaw fuq erba’ temi prinċipali – tkabbir ekonomiku dejjem aktar sostenibbli; il-kwalità tal-ħajja; pajjiż li kapaċi jfendi għal rasu; u ppjanar bi ħsieb.
Fis-sessjoni konklussiva wkoll se jkun hemm erba’ rapporteurs li se jwasslu lill-bqija tal-parteċipanti dak li jkun ħareġ minn kull workshop.
Dawk l-imprendituri u self-employed kollha, li jixtiequ jattendu f’din il-konvenzjoni, għandhom iżuru s-sit envision2050.gov.mt.
Din l-attività hi biss waħda minn serje ta’ metodi ta’ konsultazzjoni li għaddejjin bħalissa fit-tfassil tal-‘Viżjoni Malta 2050’. Dawn jinkludu intervisti dettaljati u surveys mal-pubbliku u konsultazzjonijiet ma’ msieħba soċjali.