Għaddejja l-ħidma bla waqfien tal-Partit Laburista, fil-preparamenti għar-Rally Team Malta, li se jtemm it-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali.
Din iċ-ċelebrazzjoni ta’ għaqda se tkun qed issir nhar il-Ħadd, fl-istess jum ta’ maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista.
Fil-Padiljun ta’ Kordin f’Raħal Ġdid se jsir ir-Rally bi spettaklu ieħor li mistenni jkun interessanti u l-qofol jintlaħaq bl-indirizz tal-Prim Ministru Robert Abela, li mistenni jkompli jiftaħ fuq il-viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna, bl-għajta ta’ ‘Malta Flimkien’.
ONE News tkellem mad-Deputat Mexxej għall-Affarjiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, li nnota kif l-attivitajiet tal-Partit Laburista b’differenza minħabba l-pandemija, qegħdin jiġu milqugħa ferm tajjeb minn kull min jattendi.
Qal, “Proprju kif rajna anke l-Ħadd li għadda, l-attivitajiet tal-Ħadd qed jieħdu format differenti, bil-parametri tal-pandemija, format li nista’ ngħid intlaqa’ tajjeb ħafna. Il-Ħadd li għadda kien naqra bard imma l-Ħadd li ġej se nkunu f’post fejn se nkunu fil-magħluq, jiġifieri l-bard mhux se jkun fattur, fejn se jkollna ċelebrazzjoni ta’ għaqda lkoll flimkien fil-Padiljun ta’ Kordin.”
Filwaqt li tenna li dan ir-rally, bħal kull attività oħra, qed jiġi organizzat b’responsabilità, Daniel Micallef appella lin-nies ma jitilfuxx l-opportunità biex ikunu parti minn din il-kampanja elettorali.
Spjega li kull min jixtieq jattendi din l-attività, jagħmel hekk minn l-aktar fis possibbli, hekk kif bosta diġà bdew jirreġistraw.
Wieħed jista’ jirriserva post għar-rally ta’ nhar il-Ħadd minn fuq is-sit partitlaburista.org jew fuq 20901751.