Sal-wieħed u għoxrin ta’ Novembru li ġej, il-pubbliku huwa mistieden biex jgħid tiegħu dwar il-politikà nazzjonali bl-isem ‘Open Access.’
Din il-politika tħares li tiftaħ għal kollox il-bibien li fi ħdanhom xi kultant tistaħba d-dinja tar-riċerka biex b’hekk ir-riċerkaturi Maltin ikunu jistgħu jaqsmu xogħolhom ma’ kulħadd.
Apparti hekk, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando spjega li din il-politika ser tagħti viżibilità lir-riċerkaturi u r-riċerka: “Permezz tal-Open Access, riċerkaturi lokali jixtgħu jxerdu x-xogħol tagħhom, ir-riċerka tagħhom fuq livell internazzjonali. L-Open Access policy ukoll hija pre-rekwiżit biex riċerkatur ikun jista’ jaċċessa jew tim ta’ riċerkaturi jkunu jistgħu jaċċessaw il-fondi sostanzjali ħafna li hemm permezz ta’ Horizon Europe.”
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici li tkellem dwar il-bżonn ta’ ekosistema robusta ta’ innovazzjoni li ser tkun t’għajnuna għal bosta u mhux biss għar-riċerkaturi: “Open Science għandha ħafna benefiċċji fosthom għar-riċerkaturi nfushom biex ikunu jistgħu jibnu fuq is-suċċessi u anki l-iżbalji ta’ riċerkaturi li ġew qabilhom u anki għan-negozji ż-żgħar biex b’hekk ikollhom aktar aċċess għal riċerka biex ikabbru u jtejbu l-prodotti u s-servizzi tagħhom.”
Il-politika ta’ Open Access mistennija tneħħi għal kollox dak li jxekkel it-tixrid tal-informazzjoni filwaqt li ssaħħaħ il-kwalità u t-trasparenza tar-riċerka.