Il-Kummissarju Ewropew, Helena Dalli, ħabbret li kienet għamlet rapport lill-Pulizija f’Lulju dwar dik li tidher hi theddida minn persuna li nqabdet fuq kameras tas-CCTV tar-residenza personali.
Jirriżulta minn dak irrapportat f’sezzjonijiet oħrajn tal-midja, li basket mimli ħaxixa tpoġġa fuq l-għatba tad-dar tal-Kummissarju fiż-Żejtun, flimkien ma’ nota li tgħid “Darb’oħra nkun ippreparat b’xi ħaġa għat-tfal”.
Fuq Facebook, Dr Dalli qalet li minnufih għaddiet il-filmat tas-sigurtà li għandha fid-daħla tad-dar lill-Pulizija, fejn f’dan il-filmat, jidher raġel dieħel u tidher ukoll il-karozza tiegħu.
Stqarret li, minn dakinhar, jiġifieri mill-31 ta’ Lulju, ma saret l-ebda komunikazzjoni magħha dwar il-każ u meta staqsiet hi personalment fejn waslet l-investigazzjoni, kien għadu ma rriżulta xejn mill-investigazzjonijiet.
F’post ieħor li tella’ Dr Luke Dalli, it-tifel tagħha, hu wkoll qal li kull każ simili għandu jittieħed b’serjetà kbira, iżda xahar u nofs wara għadhom jistennew risposta.