L-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni hija’ theddida għall-kompetittività tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Unjoni Ewropea.
Dan qalu l-Ewro Parlamentari Alfred Sant meta spjega għala kien se jivvota kontra rapport dwar prattiċi li tkun evitata l-ħlas tat-taxxa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Dr. Sant qal li l-kontroll tal-politika tat-tassazzjoni tal-istati membri hija l-unika għodda li fadlilhom il-pajjiżi fuq il-periferija tal-Ewropa biex jibqgħu flessibbli għal skopijiet kummerċjali.
“Il-vot tiegħi huwa kontra bħalma għamilt diġà fuq voti simili fix-xhur li għaddew. Nifhem il-bżonn li jkunu kontrollati il-prattiċi ta’ evażjoni tat-taxxa minn individwi u kumpaniji, żgħar u kbar, kif żvelaw il-‘Luxleaks’ u l-‘Panama Papers’”.
Dr Sant qal li jappoġġja l-miżuri li jżidu t-trasparenza fit-tassazzjoni. Imma dawn il-miżuri m’għandhomx jispiċċaw biex ikissru s-sovranita` tal-istati membri tal-UE fuq is-sistemi tat-taxxi tagħhom.
Ir-rapport ġie approvat b’486 favur, 88 kontra u 103 astensjonijiet.