Fit-trakka tal-atletika Matthew Micallef St John ilbieraħ kienet ċelebrazzjoni ta’ ferħ għal 121 atleta ta’ etajiet tal-kategoriji ta’ taħt it-12, l-14 u s-16-il sena. Għal ftit minnhom, speċjalment fl-U12, kienet l-ewwel esperjenza kompetittiva f’dan l-isport, filwaqt li għal oħrajn kienet ġurnata importanti għall-futur sportiv u edukattiv tagħhom hekk kif setgħu jilħqu l-livelli meħtieġa għall-Iskola Nazzjonali tal-Isport.
Kienet ġurnata memorabbli għal Thea Grech fil-kategorija U12 li kisbet tliet rebiet konvinċenti fis-60 metru, fit-300m u fil-ball throw. Hija spiċċat ukoll it-tieni fil-long jump, wara Kristina Azzopardi ta’ Pembroke Athleta. L-aqwa riżultat ta’ Thea nkiseb fil-ball throw, b’18.22 metru, kważi metru aktar mill-istess Kristina. Il-prestazzjonijiet eċċellenti ta’ Thea kienu bla dubju ta’ sodisfazzjon kbir għall-familjari u l-kowċ tagħha Jeremy Spiteri.
Jake Vassallo u Hector Rivier (U12) mit-tim ta’ Pembroke eċċedew id-29 metru fil-ball throw b’29.52 u 29.24 rispettivament. Riżultat tajjeb ħafna mill-istess tim inkiseb ukoll minn Elai Borg, b’doppjetta fil-long jump (4.09m) u fit-300 m (47.44s).
Fl-U14, il-100m intrebħet minn Thomas Grech, ħu Thea, ta’ La Salle, b’sieħbu Andra Incorvaja jispiċċa fit-tieni post b’14.43. Fil-long jump kien hemm dominju ta’ La Salle, b’Lyon Falzon (4.38m) jikseb l-aqwa riżultat.
It-tewmin Shoemake ta’ Starmax kisbu doppjetta fl-U14 tat-tfajliet hekk kif Thea daħlet qabel oħtha Bianca fil-100 metru sprint b’13.48 kontra 13.56.
Fil-100 metru rġiel ta’ taħt is-16-il sena, Yan Vella (Pembroke Athleta) kellu l-aqwa ħin b’12.70 filwaqt li l-istudenta ta’ San Anton Juliette Spina ddominat it-tellieqa tat-tfajliet b’ħin ta’ 13.51.
Fil-Long Jump Kyran Farrugia (Rush) u Yan Vella (Pembroke) kienu biss ftit ċentimetri bogħod b’4.98 u 4.95 rispettivament. Għall-kuntrarju il-kompetizzjoni tat-tfajliet ftit kellha storja b’Kay Lee Testa tiddomina b’qabża ta’ 4.79m.
L-aħħar avveniment wassal għal riżultat b’saħħtu ta’ 54.88 sekonda fl-400 metru, miksub minn Matthew Galea Soler (La Salle, U16), li rebaħ b’aktar minn 3 sekondi fuq l-avversarji tiegħu.
Il-President tal-MAAA Andy Grech esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għar-riżultati miksuba kif ukoll għal entużjażmu ta’ bosta tfal u żgħażagħ.
L-istaġun tal-MAAA jkompli nhar is-Sibt bir-ritorn tal-atleti l-kbar wara waqfa ta’ ġimgħa bl-ewwel Challenge Meeting tal-MAAA kif ukoll bit-tielet Challenge għall-Under 16.
Ritratt: Wally Galea