‘Ikoll Flimkien’ huwa t-titlu tal-kanzunetta l-ġdida tal-grupp Malti The Travellers, li ħierġa fil-jum tat-Tnejn.
Chris Gatt, il-kantant ta’ The Travellers, qalilna li t-tema ewlenija hi l-isfidi tal-ħajja.Gatt spjega kif “Il-messaġġ fiha huwa wieħed ilhi kull persuna taffaċċja numru ta’ challenges matul il-ħajja u wieħed għandu jaffaċhom u ma jibżax minnhom ovjament għax eventwalment wieħed jista’ joħroġ rebbieħ juri l-kuraġġ tiegħu.”
The Travellers ilhom sentejn jippreparaw għall-album li se jitnieda fil-ġimgħat li ġejjin. Album li se jinkludi anke d-diska li ħarġu s-sena li għaddiet: “Ħafi Paċi Kuluri”.
Gatt innota li xi ħaġa differenti mil-kanzunetti ta’ qabel hi li fil-lirika, użaw siltiet mill-poeżija Jekk t’Oliver Friggieri. Amalgamazzjoni li saret biex tgħaqqad xi ħaġa tradizzjonali ma’ dak kontemporanju.
Il-kanzunetta se toħroġ it-Tnejn, l-ewwel fuq l-istazzjonijiet tar-radju filgħodu, biex fil-ħamsa ta’ waranofshinhar jitnieda l-vidjow mużikali fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook u Youtube.